L-amministrazzjoni tal-General Workers’ Union ħasbet li tlaqqa’ l-Kunsill Nazzjonali tal-GWU għal laqgħa straordinarja hekk kif f’għeluq it-80 sena anniversarju għażlet li ssir fil-basement tal-Każin tas-Soċjetà Mużikali San Ġużepp fil-Ħamrun, proprju fejn kienet saret l-ewwel laqgħa tal-kumitat organizzattiv lejliet li twaqqfet il-General Workers’ Union, fl-4 ta’ Ottubru 1943.
Fid-diskors tiegħu l-President tal-GWU, Victor Carachi beda biex semma’ kif dawn it-80 sena li għaddew minn fuq din it-trejd unjin kienu 80 sena mimlijin tlajja’ u nżul, x’aktarx aktar tlajja’ milli nżul. Perὸ dejjem emmen li matul is-snin il-GWU kellna segretarji ġenerali li ttrassformaw din it-trejd unjin maż-żminijiet. Trejd unjin li tieħu ħsieb kemm il-kundizzjonijiet tax-xogħol sa l-kwalità tal-ħajja ta’ kull ħaddiem membru u l-pensjonanti. Trejd unjin li maż-żminijiet ħabbret diversi inizjattivi li jieħdu ħsieb jelevaw il-kwalità tal-ħajja.
Semma’ li għalkemm il-GWU dejjem irnexxielha tegħleb kull ostaklu u ċert li se jibqgħu jinqalgħu minn żmien għal żmien, jixtieq li tkun riżolta s-sitwazzjoni dwar il-binja tal-GWU llum qabel għada.
“L-għan tagħna kien li nkomplu ntejbu din it-trejd unjin fuq dak li sibna. Bħala amministrazzjoni flimkien mas-Segretarji tat-Taqsimiet u l-Kunsill nemmen li se nħallu trejd unjin aħjar milli sibniha,” temm jgħid il-President tal-GWU.
Il-President tal-Każin San Ġużepp, Mario Carabott qal li bħala Soċjetà Mużikali ħassewhom onorati li saret din il-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Nazzjonali fil-każin tagħhom, il-post li fih ġie deċiż li tifforma l-akbar trejd unjin f’Malta, il-General Workers’ Union.
“80 sena ilu kien żmien diffiċli ferm, kien żmien ta’ tbatija li t-Tieni Gwerra Dinjija ġabet fuq Malta. L-istorja twila tal-GWU bdiet meta maġġoranza ta’ ħaddiema Maltin bdew jimmobilizzaw ruħhom minn Marzu tal-1943 biex ftit xhur wara ffurmaw din it-trejd unjin b’missjoni li tipproteġi l-impjiegi tal-ħaddiema u ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-għajxien tagħhom u tiġġieled għall-ġustizzja soċjali,” qal Carabott.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja filwaqt li rrefera għall-kantuniera fejn proprju jingħad li kienet saret l-ewwel laqgħa, qal li huwa ta’ privileġġ għalih li jinsab f’dan il-post ilaqqa’ din is-seduta speċjali tal-Kunsill Nazzjonali. Fil-post fejn il-Kumitat tas-Soċjetà ta’ dak iż-żmien kien lest jisma’ t-talba ta’ dawn il-grupp żgħir ta’ nies u jissogra joffrilhom post fejn jiltaqgħu għal din il-laqgħa sigrieta.
“Kienu proprju 80 sena ilu li Reggie Miller, Indri Cilia, Joseph Bezzina u Carmelo Ellul Gafà ltaqgħu hawnhekk bħala kumitat organizzativ fejn ippjanaw kif se jagħmlu u x’se jagħmlu. Wara, l-għada fil-mass meeting li sar fl-Imsida, li jiġi deskritt bħala mass meeting grandjuż, mifqugħ bil-ħaddiema, Indri Cilia kien iddeskriva l-pjan filwaqt li Reggie Miller ħabbar li ried iwaqqaf trejd unjin miftuħa għall-ħaddiema kollha u gazzetta biex imexxi l-messaġġ lill-ħaddiema.
Huwa kompla jispjega li t-triq biex wasal għat-twaqqif tal-General Workers’ Union ma kinetx faċli u kienu sabu ostakli kbar ħafna. Waqt dan il-mass meeting kienet approvata mozzjoni biex tinħoloq din it-trejd unjin u beda l-proċess biex din l-akbar għaqda tal-ħaddiema tiġi rikonoxxuta mill-Gvern Ingliż biex dawn ikunu jistgħu jitkellmu f’isem il-ħaddiema.”
Żied jgħid li għalkemm l-affarijiet li kienu jitolbu mhumiex l-istess bħal tal-lum, iżda xorta waħda huma simili. Dak iż-żmien il-ħaddiema Maltin riedu rikonoxximent bħall-Ingliżi. Riedu li jkollhom l-istess drittijiet tal-Ingliżi, riedu jibqgħu javvanzaw fil-karrieri tagħhom. Minn hemm kien ħareġ l-istatut tal-General Workers’ Union.
“Illum mhux biss qed niċċelebraw l-ewwel laqgħa ta’ dan il-kumitat organizzattiv, iżda wkoll il-ħidma ta’ kull ufficcjal ta’ din it-trejd unjin li millita matul dawn 80 sena biex illum ninsabu hawn fl-istess post fejn twielidna. Li kieku ma ħadmux qatigħ ta’ qabilna, kieku ma wasalnix s’hawnhekk.”
Semma’ li l-isfidi li affrontaw ta’ qabilna biex inħolqot din it-trejd unjin huma l-istess sfidi li kull uffiċjal tal-GWU u kull membru u kull rappreżentant jaffaċċja llum. L-isfidi biex dejjem jinżammu l-prinċipji fundamentali tal-GWU – id-dinjità, is-solidarjetà, il-mobilità soċjali, il-paga xierqa, il-kundizzjonijiet xierqa, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u t-trattament ugwali.
Huwa tkellem ukoll dwar il-ħidma tal-każini tal-banda u qal li “bħalma t-trejd unjins għandhom rwol importanti fis-soċjetà tagħna anke s-soċjetajiet mużikali fil-lokalitajiet tagħna għandhom rwol kulturali mportanti ħafna. Tant hu hekk li l-Bord Tekniku tal-UNESCO għamel rakkomandazzjoni biex il-festa Maltija tkun inkluża fil-lista tal-wirt intanġibbli tal-umanità u l-każini tal-banda huma parti essenzjali mill-festi.”
Fi tmiem il-laqgħa s-Segretarju Ġenerali tal-GWU stieden lis-Soċjetà Mużikali biex wara din il-ħidma flimkien iżommu kollaborazzjoni bejniethom filwaqt li jżuru l-binja tal-GWU, jaraw fhiex żviluppat iż-żerriegħa li nżrat f’dak il-każin. Sar kxif ta’ plakka kommemorattiva filwaqt li ngħatat għotja ta’ kommemorazzjoni lill-Każin mingħand il-GWU.