Friday, May 10, 2024

Lejliet il-qtil raġel daħal fl-għassa jirrapporta li kien qed jibża’ minn Cassar

Aqra wkoll

Meta dalgħodu kompla s-smigħ tax-xiehda fil-kumpilazzjoni ta’ Roderick Cassar mixli bil-qtil ta’ martu Bernice f’Raħal Ġdid, xehdu diversi persuni fosthom psikjatra li eżamina lill-akkużat li qal li darba minnhom intebaħ li dak kollu li kien ġara fl-24 siegħa ta’ qabel, lill-akkużat kienu qed jaffettwawh b’mod tant li tah ferħ ta’ ġenn bl-istress.

Il-Psikjatra Beppe Micallef Trigona xehed li huwa eżamina lill-imputat Cassar l-għada tal-qtil. Filwaqt li qal li l-imputat kien imur għand psikjatra, huwa qal li ltaqa’ miegħu l-aħħar darba f’Ġunju li għadda u qal li l-imputat kien iħossu klawstrofobiku, bħallikieku magħluq f’ċella.

Dalgħodu xehed ukoll it-Tabib tal-Emerġenza Michael Spiteri li qal li huwa kien innota feriti kbar f’wiċċ il-vittma u ferita oħra f’sidirha. Semma wkoll li l-vittma ġiet iċċertikata mejta fit-8:15 a.m. It-Tabib Spiteri fisser kif meta huwa kien intalab jeżamina lill-allegat qattiel sab li ma kellu xejn mhux tas-soltu.

Fost xiehda oħrajn kien hemmn is-Surgent tal-Pulizija Cyril Butters li rrakkonta li lejliet id-delitt, daħal raġel fl-Għassa taż-Żejtun biex jagħmel rapport għax kien qed jibża’ minn Roderick Cassar li kien qed jaħseb li hu qiegħed f’relazzjoni ma’ martu Bernice. Is-Surġent Butters kompla xehed li dak ir-raġel qallu li l-vittma kienet taf b’dak li kien qed jallega żewgha u qallu wkoll li Cassar kien anki tella’ post fuq Facebook bil-kliem “revenge is a must”.

Aktar qabel ittella’ jixhed it-Tabib Mario Scerri li qal li meta nqatlet Bernice kien hemm tliet skrataċċ – wieħed ħdejn il-karozza tagħha, ieħor taħt il-kartozza u ieħor in-naħa l-oħra tat-triq. Mal-art kien hemm ukoll nuċċali tax-xemx.

It-Tabib Scerri żied jixhed li Bernice kellha ksur f’wiċċha minħabba li t-tiri laqtuha mill-viċin. Fuq sidirha kellha ferita oħra b’tir li ma ġiex sparat wisq mill-qrib. L-għada filgħodu, qal ix-xhud, huwa eżamina lill-imputat Cassar li wieġeb għad-domandi b’mod ċar, iżda rrifjuta li jsirlu test tad-demm.

Għal oġġezzjoni mill-avukat difensur Franco Debono, illi x-xhud ma jistax jistabbilixxi liema kien l-ewwel tir u liema kien it-tieni, it-Tabib Scerri qal li ż-żewġ tiri kapaċi kienu fatali – kemm tal-wiċċ u anki tas-sider. 

Qal ukoll li tir ieħor li ma laqatx lil vittma kien tir li ġie sparat mal-art, ftit ċentimetri bogħod minn saqajha u minn distanza qasira. It-Tabib Scerri ma kkonfermax jekk dan kienx l-ewwel mit-tliet tiri li ġew sparati.

Sport