Friday, November 22, 2024

Lejn tisħiħ tar-rappreżentanza tal-ġeneru fil-kunsilli lokali

Aqra wkoll

Il-gvern impenjat li jsaħħaħ ir-rappreżentanza tal-mara fil-kunsilli lokali. F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli u s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg ħabbru pakkett ta’ miżuri maħsuba biex jiffaċilitaw u jippromwovu parteċipazzjoni akbar tal-mara fil-kunsilli.

Ir-riformi jipprovdu biex, fost oħrajn, jitneħħa d-depożitu ta’ €90 li kull kandidat irid jagħmel mal-Kummissjoni Elettorali biex jikkontesta l-elezzjoni. Miżuri u azzjonijiet oħra elenkati fir-rapport jinkludu riċerka li għandha ssir wara l-elezzjonijiet lokali, biex fost oħrajn, tidentifika r-raġunijiet li qegħdin iżommu u jostakolaw il-parteċipazzjoni tal-mara fil-kunsilli lokali.

Dawn jistgħu jkunu varji, fosthom il-ħinijiet tas-seduti tal-kunsilli, ir-responsabbiltajiet tal-familja u n-nuqqas ta’ riżorsi. Dawn u miżuri oħrajn saru minn kumitat tekniku li stħarrġu jekk għandux jiġi implimentat il-mekkaniżmu korrettiv tal-ġeneru fl-elezzjonijiet lokali li ġejjin.

Il-kumitat irrakkomanda li dan m’għandux jiġi implimentat għalissa biex fost oħrajn jiġi analizzat l-impatt li dan kellu fl-elezzjonijiet parlamentari. Il-konklużjonijiet tal-kumitat ġew preżentati mill-Kummissarju għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza Renee Laiviera.

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li sakemm wieħed jirriafferma l-eżitu tal-mekkaniżmu korrettiv użat fl-Elezzjoni Ġenerali, il-gvern se jimplimenta għadd ta’ miżuri oħra sabiex il-ġeneru femminili jkun aktar rappreżentat fil-kunsilli lokali wara l-elezzjonijiet ta’ Ġunju li ġej.

“Permezz ta’ dawn il-miżuri, il-gvern qed ikompli jsaħħaħ il-kunsilli lokali u jagħtihom l-għodod meħtieġa sabiex ikunu huma li jixprunaw il-bidla fis-soċjetà tagħna. F’lokalitajiet diversi qed naraw kif kunsilli lokali mmexxija b’għaqal verament qed iġib il-bidla fil-komunità, dan jekk hux f’dak li għandu x’jaqsam ma’ infrastruttura, kultura, ġid tal-komunità jew affarijiet oħra li jolqtu direttament lill-komunità,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li bl-impenn tal-partijiet kollha jista’ isir ħafna iktar progress biex tonqos id-diskrepanza bejn il-ġeneri fir-rappreżentanza fil-kunsilli lokali. Hija nnutat li diġà hemm rappreżentanza notevoli tan-nisa fil-kunsilli tant li fl-aħħar elezzjonijiet lokali tal-2019 ġew eletti 119-il mara.

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg sostniet li din ir-rata ta’ parteċipazzjoni għandha tkompli tiżdied mhux sempliċiment għan-numru u għall-istatistika iżda importanti li jkun hemm il-perspettiva femminili fil-ħafna xogħol siewi li jsir fil-kunsilli b’risq il-komunitajiet tagħna.

Sport