Saturday, December 21, 2024

Lejn Turiżmu ta’ Kwalità

- Jikteb Alex Agius Slaiba

Aqra wkoll

Nhar it-Tlieta li għadda kelli l-opportunità li nindirizza konferenza mtellgħa mill-Association of Catering Establishments sabiex jiġu diskussi r-realtajiet u l-isfidi kurrenti u futuri f’dan is-settur.  Għal bosta snin it-turiżmu kien u għadu pilastru ewlieni tal-ekonomija tagħna u serva bħala għodda sabiex bosta Maltin sabu mpjieg li tahom lok li jimirħu fil-karriera tagħhom. 

Konna nkejlu t-turiżmu skont in-numru ta’ turisti li jiġu Malta, għaliex żieda fit-turisti kienet tfisser żieda fl-impjiegi fis-settur.  Wara s-suċċess bit-turiżmu fis-sajf irnexxielna wkoll nibdew nattiraw turisti fix-xhur li mhux normalment assoċjati mas-safar.

Iċ-ċirkustanzi nbidlu mhux l-anqas minħabba li setturi oħra tal-ekonomija saru iktar b’saħħithom u b’hekk il-ħaddiema għandhom għażla iktar wiesgħa ta’ opportunitajiet.  Wasalna fi stat fejn ir-ristoranti u l-hotels ma jirnexxielhomx isibu ħaddiema Maltin u jkollhom jirrikorru għal ħaddiema barranin. 

Ħaddiema Ewropej bosta drabi jġibu magħhom ħiliet lingwistiċi li jżidu l-valur tas-servizz offrut, iżda d-dipendenza fuq influss qawwi ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi li seħħ speċjalment wara l-COVID qed iħalli mpatt fuq il-kwalità tal-prodott offrut.

Iż-żieda fil-popolazzjoni flimkien maż-żieda fin-numru ta’ turisti qed iħallu wkoll impatt kemm fuq l-infrastruttura tal-pajjiż kif ukoll fuq il-karatteristiċi u d-drawwiet tipiċi tagħna, riżorsi importanti li jtuna sens ta’ identità u jagħmlu l-offerta turistika tagħna iżjed rikka.    

Survey fost l-operaturi tar-ristoranti li sar dan l-aħħar wera li bosta minn dawn in-nies; bosta drabi familji li jħaddmu ntrapriża żgħira jew medja, jinsabu mħassbin minħabba n-numru eċċessiv ta’ ristoranti li qed jagħmilha diffiċli li jkampaw.  L-istess operaturi li wrew tħassib dwar in-numru eċċessiv ta’ ristoranti lmentaw ukoll li d-dħul nett tagħhom staġna matul dawn l-aħħar snin. 

It-tnaqqis fid-dħul nett għall-intrapriżi huwa direttament relatat maż-żieda b’rata iktar mgħaġġla fil-pagi tal-ħaddiema li esperjenzjajna f’dawn l-aħħar snin.  Naturalment, iż-żieda fil-pagi huwa element pożittiv dovut għat-titjib fil-qagħda ekonomika ta’ pajjiżna, iżda sabiex iż-żidiet ikunu sostenibbli hemm bżonn li jkunu akkumpanjat minn minn titjib fil-valur miżjud mill-ħaddiem.  

Fis-settur tal-ospitalità, titjib fil-valur miżjud jirrikjedi ħidma konġunta mill-operaturi kollha. Negliġenza fis-servizz mogħti minn restorant jew hotel partikolari tista ttappan ir-reputazzjoni tas-settur sħiħ.  Għalhekk huwa importanti li niġbdu ħabel wieħed jekk irridu li nattiraw turisti ta’ kwalità li jifilħu jħallsu iktar u b’hekk niżguraw is-sostenibilità taż-żidiet fil-pagi. 

Il-Gvern Laburista huwa konxju minn din l-isfida li qed jaffaċċja dan is-settur u nieda l-iSkills Pass mandatorju sabiex jiżgura li kull ħaddiem ikollu l-ħiliet bażici sabiex iwettaq xogħolu b’suċċess u jilqa lit-turist bl-aħjar mod possibli.  

Nemmen li l-introduzzjoni tal-iSkills Pass huwa biss l-ewwel pass f’din id-direzzjoni u jeħtieġ iżjed ħidma sabiex nattiraw turiżmu ta’ kwalità.  Huma bosta dawk il-ħaddiema b’talent kbir f’dan il-qasam li jispiċċaw ibiddlu l-karriera tagħhom għaliex ma jsibux opportunitajiet sabiex jagħmlu progress fil-karriera tagħhom. 

Jeħtieġ nagħtu rikonoxximent aħjar għal ħiliet speċjalizzati li jinkisbu bl-esperjenza fuq tul ta’ żmien.  Jeħtieġ ukoll li l-intrapriżi jkollhom pjani aktar robusti sabiex iħajru lil ħaddiema jkomplu bil-karriera tagħhom magħhom, inkluż speċjalment b’miżuri għal bilanċ aħjar bejn il-ħidma fuq il-post tax-xogħol u l-ħajja privata tal-ħaddiem.  

L-investiment fir-riżorsi umani jrid ikun akkumpanjat minn investiment fil-promozzjoni ta’ pajjiżna mmirat lejn it-turist aħjar u ta’ kwalità. It-tradizzjonijiet kulinarji ta’ pajjiżna jirriflettu l-kultura mżewqa tagħna u joffru opportunità  sabiex noffru prodott uniku u b’hekk intejbu l-esperjenza li noffru lit-turisti. 

Biex nilħqu dan l-għan jeħtieġ nimponu standards iżjed għolja f’kull qasam sabiex niżguraw il-kwalità tal-offerta tagħna.  Standards ogħla jgħinu wkoll sabiex ikunu biss operaturi professjonali li jkomplu joffru s-servizz tagħhom f’dan il-qasam.  B’hekk tiġi ndirizzata wkoll il-perċezzjoni li hawn wisq ristoranti.  

B’deċiżjonijiet għaqlija minn dawk kollha nvoluti, mhux l-inqas mill-Gvern Ċentrali, nistgħu nilħqu l-għan li nittrasformaw is-settur minn industrija li tipproduċi turiżmu tal-massa għal settur speċjaliżżat ibbażat fuq il-kwalità u l-valur miżjud.

Ekonomija

Sport