Friday, April 26, 2024

L’Equipe Summer League: Macedonia u ROA Brothers lura għar-rebħ

Aqra wkoll

Macedonia u ROA Brothers reġgħu rritornaw għar-rebħ bi stil wara li kisbu rebħiet kbar fir-raba’ ġurnata ta’ L’Equipe Summer League li qed isir fil-grawnd tal-Għargħur.

Min-naħa l-oħra, Leġġendarji u Spartans baqgħu jżommu r-rekord perfett tagħhom f’dan il-kampjonat meta kisbu r-raba’ rebħa konsekuttiva tagħhom fi grupp B.

Minn dak li qed naraw f’dawn il-partiti, il-livell ta’ logħob hu wieħed ferm għoli bi grupp A li hu ferm bilanċjat hekk kif erba’ punti biss jifirdu l-ewwel tim minn mat-tmien tim.

L-ikbar rebħa tal-ġurnata kisbuha Macedonia li għelbu lil Flutter bl-iskor kbir ta’ 17-2. Fost l-iskorers Aleksandar Stojanovski u Daniel Stojanov skorjaw erba’ gowls kull wieħed.

Ir-rivali tagħhom ROA Brothers irrispondew b’riżultat ta’ 9-3 kontra FM Interiors. L-attakkant mill-Estonja Robert Veskimae kien awtur ta’ erba’ gowls b’Raul Moraru u Radu Vlase jiskorjaw doppjetta kull wieħed.

Masters R United resqu biss punt bogħod miż-żewġ timijiet tal-quċċata meta ngħataw walk-over ta’ 5-0 kontra Kanon Gaming.

Niupi FC u Marsaskala kisbu rebħiet importanti għall-klassifika tagħhom hekk kif għelbu 14-1 u 8-7 lil All Black u De Fonseca rispettivament.

Aston Birra kisbu l-ewwel rebħa staġjonali wara rebħa ta’ 3-0 kontra Ernst and Young.

Minn grupp B, Leġġendarji AFC ingħataw walk-over ta’ 5-0 kontra Patatanaikos 5-0 sabiex baqgħu b’punti massimi. Anke Spartans kisbu tliet punti prezzjużi li żammewhom fil-quċċata wara rebħa ta’ 7-3 fuq Spurs. Danijel Vasic kien il-protagonista għall-Ispartans meta skorja hat-trick.

Orthodox Wizards u Madballerz resqu viċin id-duo ta’ quddiem hekk kif rebħu lil Pentasia u CFDS 15-2 u 12-4 rispettivament.

La Famiglia u Azzurri FC komplew telgħu aktar ‘il fuq fil-klassifika bi tliet punti prezzjużi li kisbu kontra Mapfre MSV Life (9-2) u Dynamo Lynx (5-3) rispettivament.

KLASSIFIKA – GRUPP A

Macedonia, ROA Brothers 10, Masters R United 9, Niupi FC, Marsaskala, FM Interiors, Flutter 7, All Black 6, De Fonseca, Aston Birra 3, Ernst and Young, Kanon Gaming 0

KLASSIFIKA – GRUPP B

Leġġendarji AFC, Spartans 12, Orthodox Wizards, Madballerz 10, La Famiglia, Azzurri FC 6, Spurs, Patatanaikos 4, Mapfre MSV Life, Dynamo Lynx 3, CFDS, Pentasia 0

Sport