Thursday, March 28, 2024

LIL HINN MILL-BANK TAL-ISKOLA

Aqra wkoll

Hekk kif din il-ġimgħa t-tfal irritornaw fuq il-bankijiet tal-iskola, bdejt naħseb ftit dwar x’irrid nara mis-sistema edukattiva tagħna. Il-pandemija serqet lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna parti kruċjali mill-esperjenza edukattiva tagħhom fl-aħħar xhur: il-kuntatt soċjali bla xkiel ma’ sħabhom l-istudenti u l-edukaturi tagħna. Il-prijorità minn issa ‘l quddiem għandha tkun li, mil-lezzjonijiet li tgħallimna f’dawn iż-żminijiet, naddattaw u nindirizzaw il-bżonnijiet preżenti u futuri tagħna. 

Il-pandemija kixfet kif il-futur tas-sistema edukattiva tagħna, bħal ħafna setturi oħra, jiddependi fuq kemm naddattaw tajjeb għal-mezzi diġitali fit-tagħlim. B’xorti tajba, f’pajjiżna għamilna passi sinifikanti f’din id-direzzjoni ferm qabel ma laqtet il-COVID-19 u komplejna nsaħħuhom fl-aħħar xhur.

Iżda, ejja mmorru lura għall-prinċipji bażiċi. 

Spiss nisimgħu li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta għall-futur. Nafu li fil-preżent għandna numru ta’ sfidi pertinenti, bħan-nuqqas ta’ ħaddiema f’ċerta setturi u early school leavers. 

Spiss nisimgħu ukoll lil min jiddibatti l-idea li ngħollu l-età tal-edukazzjoni obbligatorja, minn 16 sa 18-il sena. Ma nemminx li, f’dan il-mument, din hi soluzzjoni sostenibbli għall-isfidi li qed naffaċċjaw u sinċerament naħseb li rridu nħarsu lejn riformi oltre qabel inkunu nistgħu nitkellmu fuq din il-proposta b’mod realistiku. 

Irridu nħarsu lejn l-għeruq tar-raġunijiet għalfejn għandna żgħażagħ li jkunu waslu biex itemmu l-esperjenza skolastika obbligatorja tagħhom mingħajr il-kwalifiċi mistennija, qabel nestendulhom dan iż-żmien b’sentejn. Għandna nsaqsu lilna nfusna hux qed infallu ma’ studenti bħal dawn u kif nistgħu ngħinuhom jisfruttaw l-ħiliet tagħhom, li ma jkunux neċessarjament akkademiċi iżda xorta jistgħu ikunu ta’ benefiċċju f’setturi importanti għall-pajjiżna, bħall-kultura, l-isport jew l-agrikoltura. 

Qatt daqs illum ma kienet importanti li nieqfu u nirrifomaw l-aspettattivi tagħna mis-sistema edukattiva t’uliedna, u nagħtu l-importanza meħtieġa lill-iżvilupp ta’ ħiliet differenti.  Għamilna passi importanti bi skejjel speċjalizzati fuq l-arti u l-isport. Forsi wasal iż-żmien li niddiskutu bis-serjetà l-kontribut li jistgħu jerġgħu jagħtu l-iskejjel tal-isnajja. Għafsa ta’ qalb tisma’ u tara snajja li qed jintilfu maż-żmien, u jgħarralna jekk naħsbu li ċerta snajja hi għodda tal-passat, mingħajr ma nikkunsidraw il-valur kulturali jew kummerċjali tagħhom. Fuq kollox, jekk nerġgħu naraw dawn l-iskejjel, inkunu qed ninvestu mhux biss fiż-żgħażagħ tagħna, iżda fil-patrimonju Malti. 

Irridu nibqgħu nisħqu fuq sistema edukattiva li tinkoraġixxi iżjed kreattività u ħsieb kritiku. Kif jispiċċaw il-Form 5, iż-żgħażagħ ikunu eliġibbli biex jivvutaw u b’hekk għandna responsabbilità li naraw li, apparti li nindirizzaw il-bżonnijiet tal-workforce, naraw li mill-bank tal-iskola t-tfal tagħna qed jiżviluppaw il-ħsieb ħieles li jagħmilhom ċittadini responsabbli u konxji tal-importanza tal-parteċipazzjoni ċivika tagħhom. 

Ħsieb ieħor li jorbot ma dan is-suġġett: Għandna naraw għalfejn qed nibagħtu liż-żgħażagħ tagħna mill-iskola għad-dinja tax-xogħol mingħajr ċerta ħiliet bażiċi tal-ħajja? Bħal kif iħallsu t-taxxa, ibiddlu tyre jew kif iqabbdu plakka tad-dawl? 

L-esperjenza edukattiva tagħna għandha tagħti valur lill-preparazzjoni għall-ħajja adulta lil hinn mill-ħitan tal-iskola, daqs kemm tagħti lir-riżultat ta’ fuq iċ-ċertifikat.

Dawn il-kunċetti ma nistgħux nibqgħu nitkellmu dwarhom b’sens ta’ idealiżmu imma għandna nsibu metodi pragmatiċi biex naddattaw għar-realtaijiet ġodda tas-soċjetà tagħna. 

Qed ngħid dan kollu għaliex l-edukazzjoni hija għodda kontra l-inugwaljanza, u ma nistgħu qatt nieqfu nanalizzaw kif nistgħu ntejbu dak li qed jasal għand it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Konxja ukoll tal-fatt li kull riforma f’dan ir-rigward tibqa’ żżid mar-responsabbiltajiet tal-edukaturi tagħna, l-ikbar riżorsa f’dan is-settur, u għandna nibqgħu ninvestu fihom u nattiraw l-aqwa talent.

Ekonomija

Sport