Wednesday, April 24, 2024

“Mhux se titlef ruħek jekk titlaqqam”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Hemm persuni fid-dinja li bil-għan li jkomplu jbeżżgħu, qegħdin jgħidu li t-tilqima tal-Covid-19 hija fil-verità il-“marka ta’ bestja”, il-famuża “mark of the beast” imsemmija fil-Bibbja li hija assoċjata man-numru ta’ Satana “666”. Bħalissa għaddejja kampanja oħra qarrieqa minn persuni li qegħdin ixerdu informazzjoni żbaljata jew qarrieqa b’detriment u periklu għal saħħet ħafna nies. It-tilqima kontra l-Coronavirus bħala fatt hija xjentifikament ippruvata li ssalva l-ħajjiet u llum il-ġurnata għandna din l-għodda kontra l-virus qerriedi grazzi għal snin ta’ riċerka u xogħol minn imħuħ kbar mid-dinja xjentifika. 

Dan il-grupp ta’ persuni  bi twemmin reliġjuż fl-Amerika u anke f’pajjiżi oħra qegħdin jinterpretaw li jekk jieħdu t-tilqima kontra l-Covid-19 se jitilfu ruħhom. Hekk kif il-varjant Delta għadu qiegħed jinfirex, ħafna Amerikani għadhom ma jridux jieħdu t-tilqima kontra l-virus. Fost it-teoriji li jagħtu bidu għal biżgħa u xettiċiżmu fost in-nies hemm dik tal-effetti negattivi fit-tul, nuqqas ta’ fiduċja fil-qasam mediku u dawn li daħlu f’moħħhom l-idea li t-tilqima hija s-sinjal tal-bestja msemmi fil-Ktieb tar-Rivelazzjonijiet tal-Bibbja. Il-“marka tal-bestja” fit-Testment il-Ġdid issemmi alleanza ma’ Satana jew dawk li jiċħdu lill-Alla bħala l-kreatur tal-ħolqien.

John Evans, professur tas-soċjoloġija u tal-istudji reliġjużi fl-Università ta’ Kalifornja f’San Diego, qal li, “studji juru li kull konflitti bejn reliġjon jew xjenza mhumiex ibbażati fuq fatti. Dawn iseħħu l-aktar minħabba valuri u morali”.

X’tgħid l-iskrittura dwar din il-marka…

It-termini apokaliptiku huwa f’Revelation 12:16-18 fejn skont l-Appostlu John par bestji se jmexxu lid-dinja bi krudeltà liema bħalha. Jingħad li l-manipulazzjoni u l-aġenda sigrieta tagħhom se tirrikjedi biex in-nies kollha jagħmlu kummerċ permezz tal-marka ta’ Satana. L-Appostlu John ma identifikax kif din il-marka se tidher għalhekk xi teoloġi assoċjawha man-numru “666”.

Il-Pastor Darin Wood mill-First Baptist Church fil-belt ta’ Midland, Texas kiteb f’ġurnal lokal fejn qal li, “waħda mill-familji b’sinċerità staqsietni jekk it-tilqima tal-Covid hiex il-marka ta’ Satana għax kien hemm min qalilhom li din hekk hija”. Huwa qal li l-mistoqsija tagħhom kienet onesta u verament kellhom bżonn ta’ gwida fir-rigward minħabba li kienu mbeżża’ u mdejqa. “B’ġentilezza u mħabba jien għidilhom li, ‘le’. Wara ħsibt ftit aktar dwarha u dan sakemm kien hemm min staqsieni l-istess mistoqsija u n-nies baqgħu jiġu għandi bl-istess tħassib,” kompla dan ir-reliġjuż.

Il-Pastor qal li m’hemm ebda indikazzjoni li t-tilqima hija dak li huwa deskritt fil-Bibba bħala l-marka tal-bestja li jiddeskrivi l-Appostlu John. “Intbagħtuli għadd ta’ vidjows u artikli li jissuġġerixxu li t-tilqima tippreżenta pjan biex ikun hemm kontroll totali minn gvern jew li t-tilqima għandha materjal fiha li jagħmilha possibbli li jkun identifikati l-persuni li ħadu t-tilqima. Il-mistoqsija wara dan kollu hija – għala hemm dan in-nuqqas kbir u mifrux fil-qasam mediku meta joħroġ b’affarijiet ġodda?” staqsa Wood.

Allura għala qegħdin jaħsbu u anke jseħulha hekk?

Il-Professur Evans jemmen li n-nuqqas ta’ fiduċja fil-gvern u l-qasam mediku hija dak li wassal biex ikun hemm min jemmen dan it-twemmin tal-marka msemmija fil-Bibbja. “L-eks President Donald Trump wassal għal nuqqas ta’ fiduċja fl-esperti. Hemm grupp żgħir ta’ persuni li jemmnu fil-marka tal-bestja u naħseb li dak li qiegħed iwassal għal dan it-tip ta’ raġunament jibda l-ewwel bi tħassib differenti fir-rigward it-tilqima kontra l-Coronavirus. Tħassib li mhuwiex speċifikament marbut ma’ raġunijiet reliġjużi,” sostna l-istess Evans f’intervista mal-“USA Today”.

Peter Feaman, uffiċjal għoli mill-Kumitat Nazzjonali tar-Repubblikani fi Florida, ix-xahar li għadda qal li t-tilqim huma l-marka tal-bestja u li huma “alla falz”. F’Mejju Feaman fil-blog tiegħu kiteb li l-gvernatur Gretchen Whitmer qiegħed jikonraġġixxi t-tilqim f’Michigan fejn kiteb li dan qiegħed isir bi sforz fuq in-nies biex ikunu jistgħu jkomplu jkunu ċittadini attivi fis-soċjetà. 

Evans min-naħa tiegħu spjega li ħafna nies huma influwenzati mir-reliġjon u huwa aktar possibli għalihom li jemmnu dwar din il-marka “djabolika” li tissemma’ f’kull Bibbja Kristjana. Imma, sostna dan il-professur, “in-nies jiffokaw fuq parti partikolari tal-Bibbja biex jissostanzjaw dak li jemmnu”.

“La din it-tilqima u lanqas oħrajn”

Pastor Greg Laurie mill-Harvest Christian Fellowship qal li t-tilqim kontra l-Covid-19 “mhumiex il-marka tal-bestja però ħafna Kristjani jemmnu li huwa għax qegħdin jaħsbu li d-dinja waslet fl-aħħar… hekk kif hemm miktub fil-Bibbja”.

Fuq il-“USA Today” ukoll, Laurie qal li l-Bibbja titkellem dwar persuna identifikata bħala l-antikrist li se jitlob lin-nies biex “jimmarkaw” lilhom infushom biex ikunu jistgħu jixtru u jbigħu. “It-tilqim tal-Covid u ebda tilqim ieħor, m’għandu xejn x’jaqsam ma’ dan kollu,” insista dan ir-reliġjuż.

Huwa stess ħa t-tilqima ta’ kontra l-Covid-19 u qal li din il-marka li tant jitkellmu dwarha hija turija ta’ lealtà lejn l-antikrist u li ħadd mhuwa se jimmarka lilu nnifsu mingħajr ma jkun jaf għal x’hiex dieħel. “Fir-Rivelazzjoni 14, nitgħallmu li dawk li jimmarkaw ruħhom huma kkundannati għall-eternità. Alla mhuwiex se jikkastiga lil dawk li jagħmlu xi ħaġa mingħajr ma jkunu jafu x’inhija eżattament,” kompla Laurie.

Dawn l-interpretazzjonijiet żbaljati mill-ktieb tar-Rivelazzjoni 13:16-18 bdew jiċċirkolaw fil-midja soċjali, il-mezz li bih tinxtered ħafna informazzjoni li mhux ta’ min joqgħod fuqha. “Xi drabi, dawn l-istqarrijiet huma ppreżenati b’tali mod li wieħed jaħsibhom xi profezija mill-Bibbja iżda fil-verità dawn huma ħżiena u wżati f’kuntest skorrett minħabba li n-nies ma jifhmux x’inhi tgħid eżattament il-Bibbja dwar dawn l-affarijiet,” ikkonkluda Laurie.

Il-ħaddiema fis-settur tas-saħħa ma jifilħux jismgħu iżjed!

Nicole Williams, infermiera li taħdem f’diversi t-taqsimiet ta’ kura intensiva, ikkonfermat li l-marka tal-bestja hija r-raġuni għala għadd ta’ persuni qegħdin jagħżlu li ma jitlaqqmux. Hija tkellmet mal-“USA Today” fejn sostniet li, “li jgħiduli li huma mħassbin minħabba li t-tilqima hija ġdida jew li ma jafux x’inhuma l-effetti li jista’ jkollha fil-futur hija mod, iżda, li jgħidu li hija l-marka tal-bestja, għalija din hija ġennata”.

Williams ilha tliet snin taħdem bħala infermiera u diġà ħadmet fi sptarijiet f’Texas, New York, California u l-Hawaii. Hija qalet li l-aħħar żieda fil-każijiet tal-Covid-19 kienet gravi ħafna u li ħafna żgħażagħ mietu. L-infermiera sostniet li t-tilqim mhumiex xi tip ta’ kura maġika li fejjaq kollox iżda huwa wieħed mill-ħafna għodod preżenti li jiġġieldu l-virus. 

“Nifhem li n-nies iridu jmorru lura fin-normalità ta’ qabel iżda li jsejħu xi ħaġa ġdida li ma jifhmu xejn dwarha b’dan il-mod, hija reazzjoni estrema u perikoluża. Ninsab għajjiena ħafna u ma niflaħx nara aktar nies imutu però, se nibqa’ nagħmel ħilti biex insalva l-ħajjiet,” qalet Williams.

“Le, it-tilqima tal-Covid-19 mhijiex il-marka tal-bestja… Probabbilment l-iskrittura kienet qiegħda tirreferi għall-imperatur tirann Ruman, Nero”  

STUDJUŻI

Dott. Stephen Smith li jaħdem f’dipartiment tal-emerġenza f’Hennepin Healthcare stqarr li s’issa għadu ma ltaqa’ ma’ ħadd li rrifjuta t-tilqima ta’ kontra l-Covid-19 minħabba l-marka tal-bestja. Però, f’każ minnhom kien hemm omm b’tarbija li ddaħħlet b’sintomi tal-Coronavirus li rrifjutat it-tilqima minħabba biżgħa li ssir zombie.

Raġunijiet oħra ta’ rifjut għat-tilqima fost il-pazjenti ta’ Smith hemm dawk li sostnew li ma riedux li jkollhom ċippa f’ġisimhom; oħrajn għax jirraġunaw li ladarba ma mardux diġà bil-Covid mhumiex f’riskju; persuni li jibqgħu li t-tilqima ġiet żviluppata malajr wisq; oħrajn li ma jafdawx lill-gvern Amerikan u hemm min  sema’ b’fatalitajiet ikkaġunati mit-tilqima stess.

“Il-midja soċjali hija l-kważa li qegħdin jinbtu u jinfirxu dawn l-ideat daqstant żbaljati dwar it-tilqim. Kulħadd jaqra fuq Facebook u jemmen l-imbarazz. Kull min qiegħed jgħidilkomm biex ma tieħdux it-tilqima, jew qiegħed jigdbilkom, jew huwa idjota, jew inkella taħlita tat-tnejn,” temm iwissi dan it-tabib.

X’nafu s’issa dwar it-tilqim ta’ kontra l-Covid-19

  • Data inizjali tqis li t-tilqim ta’ Moderna u Pfizer-BioNTech huma siguri;
  • Fi studju li ġie ppubblikat fi “New England Journal of Medicine”, dawn it-tnejn huma 94% u 95% effettivi kontra l-virus;
  • L-istess studju wera li doża waħda tal-Johnson & Johnson tipprovdi protezzjoni mill-virus u hija effettiva kontra l-bżonn ta’ rikoveri fl-isptar u fl-imwiet;
  • F’Settembru l-Pfizer ħarġet informazzjoni li turi li hija sigura biex tingħata lil tfal ta’ bejn il-ħames u l-11-il sena;
  • It-tilqima tal-Pfizer ġiet approvata kompletament mill-Amministrazzjoni tal-Ikel u l-Mediċini x-xahar li għadda;
  • Moderna tinsab fil-proċess li tapplika għal liċenzja sħiħa;
  • Il-Johnson & Johnson qiegħda tippjana li tapplika din is-sena wkoll;
  • Iċ-Ċentru għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard irrapporta li 54% tal-Amerikani huma mlaqqma u li 63.9% ħadu mill-inqas doża waħda;
  • Sa tmiem Settembru, 56% tan-nies fl-Istati Uniti mistennija li jkun mlaqqma kompletament;
  • Skont tagħrif maħruġ mill-Institute for Health Metrics and Evaluation, dan l-ammont mistenni jitla’ għal 59% sal-1 ta’ Jannar, 2022.

Sport