Liverpool finalment laħqu ftehim ma’ Paris Saint-Germain biex jiffirmaw lill-winger Franċiż, Bradley Barcola, għal somma li tista’ tilħaq £123 miljun. Il-ftehim jinkludi £106 miljuni inizjali u £17-il miljun f’bonusijiet potenzjali.
Ilbieraħ kien il-mistieden speċjali ta’ Liverpool għall-partita tal-Premier League kontra Nottingham Forest.
Illum, dan il-player ta’ 23 sena mistenni jagħmel it-test mediku qabel jiffirma kuntratt fit-tul f’Anfield. L-akkwist ta’ Barcola jista’ jżid id-dubju dwar il-futur ta’ Cody Gakpo, hekk kif Tottenham Hotspur u Manchester City qed juru interess kbir fil-player Olandiż. Liverpool qed ifittxu wkoll fuq il-faxxa leminija u esploraw possibilitajiet għal Yankuba Minteh ta’ Brighton u Ismaila Sarr ta’ Crystal Palace.
Barcola sar mira ewlenija ta’ Liverpool wara t-tluq ta’ Luis Diaz u Mohamed Salah fl-aħħar sentejn.
Huwa ngħaqad ma’ Paris SG mingħand Lyon, fl-2023, għal madwar £38.5 miljuni u minn dakinhar rebaħ tliet titli ta’ Ligue 1, darbtejn il-UEFA Champions Leagues u t-Tazza Franċiża u darba l-UEFA Super Cup u t-Tazza tad-Dinja tal-Clubs.
Barcola, li skorja tliet goals għal Franza fit-Tazza tad-Dinja ta’ dan is-sajf, jista’ jilgħab fuq iż-żewġ faxex laterali jew fiċ-ċentru bħala attakkant pur.




