Friday, June 12, 2026

LOGĦOB TAN-NAR

Aqra wkoll

Hu mitqies bħala delizzju tradizzjonali fuq l-istess livell bħall-kaċċa u l-insib. Imma mdeffes kif inhu fl-organizzazzjoni tal-festi tal-bliet u l-irħula tagħna, il-logħob tan-nar għandu strutturi ħafna aktar kumplessi. Fil-każ tal-kaċċa u l-insib, id-dilettanti huma dawk li jisparaw u jonsbu u ħafna (mhux kollha) mill-familjari tagħhom. 

Waqt li bħala dilettanti jew nies b’interess fil-piroteknika hemm talanqas tliet tipi ta’ ċittadini. Insibu lil dawk bin-namra tal-piroteknika, b’ġibda għall-ħidma ta’ kif tibni murtali u logħob tan-nar ieħor, perikoluż kemm jista’ jkun. Hemm dawk li jogħġbuhom qatigħ il-wirjiet ta’ dwal u kuluri fis-sema fil-ġranet tal-festi u ma jitilfuhom b’xejn kull meta jsiru. U hemm il-mexxejja u l-organizzaturi ta’ każini tal-banda u kumitati tal-festa li jqisu l-logħob tan-nar bħala element kruċjali tal-festi li jittellgħu sena wara l-oħra. Magħhom dan l-aħħar ingħaqdu animaturi tal-gvern li qed jipprovaw joħolqu niċċa internazzjonali għal Malta fl-immuntar ta’ wirjiet pirotekniċi.

Jibqa’ l-fatt li das-settur tradizzjonali hu l-aktar wieħed li ġab straġi tal-ħajja umana fostna.

DEPUTATI TAL-KOSTITWENZA

Ir-riżultati tal-aħħar elezzjoni komplew jimmarkaw tnaqqis f’deputati tal-kostitwenza – rappreżentanti fil-Parlament li bla ma jkunu ministri, jsostnu rabta diretta personali man-nies fil-pajjiż minn fejn jiġu eletti. Fil-fatt, il-ħidma parlamentari tagħhom tkun tikkonsisti l-aktar fi sforzi biex iwasslu messaġġi dwar il-bżonnijiet tal-kostitwenti tagħhom f’ħajjithom ta’ kuljum. Imma donnu li qed jinqatgħu r-rabtiet regolari bejn deputat u kostitwent.

Veru li kuntatti jistgħu jinżammu permezz tal-mezzi soċjali… Imma mhijiex l-istess ħaġa bħal meta ċ-ċittadini jaraw lid-deputat ta’ spiss fil-pjazzez tal-borg jew iħuf fl-isqaqien tar-raħal. Kif mhijiex l-istess ħaġa li l-kuntatti maċ-ċittadini jisfaw monopolizzati mill-istaff tal-customer care tal-Ministri… meta distrett ikollu ministru. 

ŻEWĠ DISKORSI

M’inix xi entużjast tad-diskorsi. Nippreferi d-dibattiti fejn jinqala’ l-ping-pong tal-argumenti u l-kummenti. Biss, ġieli jsiru diskorsi li jkun jistħoqqilhom għarfien. Dwar hekk, ta’ min isemmi tnejn li saru dan l-aħħar.

Kien hemm id-diskors (li smajt) tal-Prim Ministru Robert Abela fi tmiem il-mass meeting Laburista fuq il-Fosos fl-aħħar nett tal-kampanja elettorali. Kien ċar u emottiv imma wkoll ikkalibrat tajjeb. Ħa l-ħin li kellu jieħu mingħajr dawrien mal-lewża jew triomfaliżmu. Diskors fi tmiem kampanja elettorali qatt mhu faċli. F’dal-każ, għeleb id-diffikultajiet kollha b’maestrija.

U kien hemm id-diskors (li qrajt) tal-iSpeaker Anġlu Farrugia fl-okkażjoni tas-Sette Giugnio dwar il-funzjonijiet li għandu u jmissu jkollu l-Parlament Malti llum u fil-futur. Ta ħarsa akuta lejn l-attwalità parlamentari tagħna u l-potenzjal tal-Parlament Malti biex jikkontribwixxi dejjem aktar għal-iżvilupp politiku, ekonomiku u soċjali tal-poplu tagħna. Il-perspettiva strateġika tad-diskors kienet ammirevoli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport