Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn etá żgħira. Minn dejjem kont miġbud lejn l-eċċitament, il-passjoni u l-kompetizzjoni li tinsab fil-logħba tal-futbol.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’taħseb li kien is-sigriet wara s-suċċess tar-rebħ tal-Kampjonat tal-Minors Sezzjoni A minn Valletta FC?
Ma kien l-ebda sigriet wara s-suċċess li ksibna … aħna ħdimna fuq li ħdimna anke meta ma kellniex aptit u xorta bqajna nagħtu ruħna u ġisimna. Fl-aħħar mill-aħħar nemmen li ksibna dak li kien ħaqqna u nemmen li għad fadal ħafna iktar x’nirbħu fosthom it-tournament tan-Knock-out li wasal biex jibda.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Il-futbol Malti qed javvanza u huwa ta’ livell iżda xorta jaffaċċja ostakli rigward ir-riżorsi speċjalment fil-grawnds u finanzi. Iżda madankollu, it-talent jinstab madwar Malta kollha u bl-iżvilupp kontinwu nemmen li l-futbol Malti jista’ jikseb ir-rispett li tassew ħaqqu!
U dak tar riżorsi (grawnds) fejn titharrgu u tilaghbu l loghob kompetittiv taghkom?
Il-grawnds huma waħda mill-ikbar problemi li għandna. Hawn numru ta’ grawnds ta’ kwalitá mhux ħażina iżda mhux biżżejjed.
Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?
Il-futur tiegħi fil-futbol narah bħala opportunitá biex nikber kemm fil-grawnd kif ukoll f’ħajti barra mill-grawnd. L-objettiv tiegħi huwa li bil-grazzja t’Alla, inkompli nirrapreżenta lil pajjiżi mat-tim nazzjonali kif ukoll inkompli l-karriera tiegħi barra minn Malta.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Għal kull min qed jaspira biex jibni karriera ta’ suċċess fil-futbol importanti li jkun iddixiplinat, iddedikat u jkollu l-paċenzja għaliex xejn ma jiġi f’ħakka t’għajn, iżda l-iktar ħaga importanti hi li jafdaw fit-triq li Alla ppjanalhom!


