Friday, April 24, 2026

Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa mal-mexxejja tal-Unjoni Ewropea f’Ċipru

Aqra wkoll

F’laqgħa li fiha l-Prim Ministru Robert Abela pparteċipa fil-laqgħa informali tal-Mexxejja Ewropej ġewwa Ċipru, huwa qal li Malta se tkompli timplimenta miżuri biex tħares kontra ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, filwaqt li tiżgura l-provvista stabbli u konnettività adegwata.

Saħaq li, filwaqt li l-Unjoni Ewropea trid tkompli ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħha fis-settur tal-enerġija, huwa essenzjali li l-miżuri Ewropej ikunu flessibbli u jirriflettu r-realtajiet differenti tal-Istati Membri, b’mod partikolari dawk gżejjer u periferali, sabiex ikun hemm bilanċ bejn l-ambizzjoni klimatika, il-kompetittività u l-protezzjoni tal-konsumaturi.

F’Ċipru, il-pajjiż li bħalissa għandu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f’idejh, is-Summit beda b’diskussjoni dwar l-aggressjoni Russa fuq l-Ukrajna, b’indirizz mill-President Volodymyr Zelensky. Hawnhekk il-Prim Ministru Malti tenna s-solidarjetà ta’ Malta mal-poplu Ukren waqt li fakkar il-ħtieġa li l-istati membri jkomplu jinkoraġġixxu diskussjonijiet diplomatiċi biex tintemm din il-gwerra.

“L-Unjoni Ewropea trid tibqa’ magħquda, iżżomm pressjoni fuq ir-Russja, u tagħti appoġġ sostnut lill-Ukrajna, b’mod f’waqtu u prevedibbli, filwaqt li nibqgħu nappoġġjaw kull sforz diplomatiku internazzjonali biex tintemm din il-gwerra,” żied jgħid il-Prim Ministru.

Il-mexxejja ddiskutew ukoll is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u l-impatt tagħha fuq is-sigurtà u l-ekonomija Ewropea, inkluż il-prezzijiet tal-enerġija u l-konnettività. F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru enfasizza li l-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija tibqa’ prijorità ċentrali għall-Gvern Malti, sabiex jiġu protetti l-familji u n-negozji minn xokkijiet esterni.

Il-mexxejja kellhom ukoll opportunità li jieħdu kont tal-progress tan-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) għall-perjodu 2028–2034. Il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza tal-Politika ta’ Koeżjoni u l-ħtieġa li jiġu kkunsidrati r-realtajiet speċifiċi ta’ Stati Membri żgħar u periferali, filwaqt li enfasizza li l-finanzjament Ewropew għandu jkompli jappoġġja miżuri li jsaħħu r-reżiljenza ekonomika u jtaffu l-impatt tal-prezzijiet tal-enerġija fuq iċ-ċittadini u n-negozji.

Huwa tkellem ukoll dwar l-aċċessibbiltà tal-flus marbuta mat-tisħiħ tal-kompetittività, u saħaq li għandu jkun assigurat li l-kundizzjonijiet marbuta ma’ dawn il-fondi jippermettu li jkun hemm parteċipazzjoni wiesgħa sabiex kull Stat Membru jgawdi minn dawn il-fondi.

Aktar tard matul il-jum, il-mexxejja kellhom ukoll diskussjoni ma’ msieħba reġjonali dwar l-iżviluppi fil-Lvant Nofsani, fosthom il-Ġordan, il-Libanu, l-Eġittu, is-Sirja u kif ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf. Id-diskussjoni ffukat fuq l-opportunitajiet ta’ kooperazzjoni għall-istabbiltà fir-reġjun, b’enfasi fuq il-ħtieġa ta’ deeskalazzjoni, djalogu u rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali.

Din il-laqgħa saret f’mument kruċjali għall-aġenda tal-Unjoni Ewropea, fejn il-mexxejja kkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom fl-isfond ta’ diversi sfidi internazzjonali, filwaqt li ingħatat direzzjoni politika għal deċiżjonijiet strateġiċi importanti li jaffettwaw il-futur tal-Unjoni Ewropea.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport