Saturday, December 21, 2024

MA NAĦSBUX LI KOLLOX OVVJU

Aqra wkoll

Huwa stat ta’ fatt li minn mindu ħa l-kariga ta’ Prim Ministru, Robert inqalgħu ċirkustanzi xejn feliċi bi problemi li lanqas biss konna noħolmu. Il-problema tal-pandemija ġabet magħha sfidi kbar li kull mexxej ta’ pajjiż laqtitu bla mistenni u kull pajjiż kellu jaffaċċja realtà ġdida mingħajr esperjenza ta’ xejn. 

Robert Abela rnexxilu jsib il-bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija. Għamel ċert li l-isptarijiet tagħna jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom dak kollu possibbli sabiex joffru l-aħjar servizzi tas-saħħa li hemm bżonn. Irrid nieħu l-okkażjoni sabiex nirringrazzja lill-front liners kollha li taw u qed jagħtu sehmhom tul il-pandemija. Għandna nibqgħu grati lejhom dejjem u għalkemm forsi issa s-sitwazzjoni qed tindara ma jfissirx li għadda kollox u li dawn in-nies waqfu jagħtu sehemhom. Bl-istess mod, il-Gvern għadu kommess li jibqa’ jsosstni s-settur tas-saħħa sabiex noħorġu lil dan il-pajjiż mill-pademija.

Din l-amministrazzjoni ta’ Robert Abela, trid tibqa’ mfakkra għall-mod kif trattat din is-sitwazzjoni primarjament għal mod kif laqgħet din l-isfida u l-isptarijiet tagħna baqgħu taħt kontroll, kif ukoll għall-programm ta’ tilqim fejn illum għandna rati verament għoljin ‘l fuq minn disgħin fil-mija tal-popolazzjoni li hija eliġibbli li tieħu l-vaċċin imlaqqma. 

Il-bilanċ imbagħad intlaħaq għax fl-istess waqt li qiegħed isir dan kollu, il-Gvern ma qagħdx lura li jinvesti wkoll u jagħti sostenn lin-negozji u l-ħaddiema. Il-wage supplements li taw nifs li negozji tagħna li fuq l-istess binarju ssalvagwardja l-impjiegi li effettivament ta’ serħan il-moħħ lill-familji tagħna. Imbagħad nidejna l-iskema tal-vouchers sabiex nagħtu injezzjoni finanzjarja lill-ekonomija u nerġgħu nqajmu n-negozji fuq saqgħajhom. Irreġistrajna tkabbir ekonomiku ta’ 13.4 fil-mija u investiment rekord li jixhed li Malta tassew qabdet it-triq tal-irkupru. Fl-istess waqt irreġistrajna l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja ta’ pajjiżna. Dan huwa Gvern li ħa u se jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet kollha li huma meħtieġa biex nindirizzaw dak li l-poplu verament għandu bżonn.

Dan kollu forsi jittieħed f’kuntest ta’ ovvju. Forsi l-poplu jirrikonoxxi li l-ħidma tajba li saret mill-Gvern tal-ġurnata u jieqaf hemm. Kultant nieħdu l-affarijiet ‘for granted’ għax naħsbu li hekk kellu jsir u ma setgħax isir mod ieħor. Imma r-realtà hija differenti, tafux?

Ejja ndawwru ħarsitna fuq il-Partit Nazzjonalista. Il-Partit fl-oppożizzjoni li qiegħed jaspira li jkun fil-Gvern. Dawn jitkellmu mod ieħor. Dawn ma jirrikonoxxux il-ħidma tajba li saret mill-Gvern. Anzi bil-maqlub. Dawn jikkritikaw lill-Prim Ministru fuq tberbiq ta’ flus.

Li kieku f’Marzu tal-2020 kellna Gvern Nazzjonalista kien ikollna politika ta’ awsterità. Politika li minflok il-Gvern ikun hu li jsaħħaħ l-ekonomija, kien idur għand il-poplu, jitfa’ l-piż fuqu u jipprova jsewwi l-pannu bil-qargħa ahmar. Dan kollu rajnieh jiġi applikat minn Gvernijiet Nazzjonalisti preċedent u llum il-ġurnata minħabba li l-Partit Nazzjonalista ma ġeddidx u m’aġġornax għaż-żmenijiet tal-llum, il-mentalità tagħhom għandha taħseb u taddotta l-istess ħsieb.

Partit Nazzjonalista li tilef il-kuntatt man-nies u mhux jifhem li s-soċjetà inbidlet qabblu. Partit li mhux jinduna li ż-żmien ġera bih u llum trid tapplika metodi ġodda biex tlaħħaq mal-isfidi tal-ġurnata. Minflok, din il-leġislatura ħlewha fil-konflitti nterni ta’ bejniethom, b’numru ta’ kampanji u elezzjonijiet interni biex jeleġġu Kap u ma nafx kemm il-kariga oħra biex forsi jibdew jaħdmu. Sadanittant, iż-żmien għaddej u ġera bihom.

Fl-istess waqt biex ma ninsewx il-Partit Laburista baqa’ magħqud wara l-Mexxej tiegħu u ħadem u stinka biex fl-istess waqt li qegħdin fil-Gvern nfasslu pjan għaż-żmien li ġej. Nidejna diversi workshops biex ħloqna mitt idea li kull waħda tindirizza aspett partikolari imma li kollha kemm jsarfu politika għan-nies.

Qiegħed ngħid dan sabiex il-poplu jagħraf jiżen u jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin. Bejn dak li jista’ jitqies bħala ovvju u dak li setgħa ma sarx kieku ma kienx hemm Partit Laburista fil-Gvern. 

Huwa minnu li għad hemm min qiegħed ibati fosthom Laburisti minn dejjem li jħossu li l-Partit seta’ tahom iktar għajnuna. Hemm każi li huma verament ġenwini u jien nemmen li għandhom jiġu ndirizzati. Però wieħed għandu jżomm f’moħħu d-differenza bejn il-politika ta’ Gvern li jmexxi pajjż b’mod holistiku u l-każ partikolari tal-individwu. 

Għalija t-tnejn huwa mportanti u jridu jiġu ndirizzati, imma ejja nżommu f’moħħna li meta l-pajjiż ikun qiegħed jitmexxa b’attenzjoni, b’imħabba u b’għaqal, ikun qiegħed igawdi minnu kulħadd. Dan mingħajr ma nneħħi r-raġun li dik il-familja partikolari tkun għaddejja minn tbatija, diskriminazzjoni jew xi tip ta’ sofferenza oħra li f’dak il-mument partikolari tibda’ tara biss l-uġiegħ li tkun għaddejja minnu.

Propju hawnhekk irridu nxammru l-kmiem u naħdmu iktar sabiex lil dawn in-nies inressquhom lejn il-Partit Laburista. Irridu nisimgħuhom u naraw kif nagħtuhom wens u faraġ billi noffru soluzzjonijiet. Irridu nibqgħu naħdmu u nindirizzaw dawn il-problemi sabiex nagħmlu ċert li l-politika tagħna qed tħalli l-frott mixtieq fuq faxxa tas-soċjetaà, mill-kbir saż-żgħir.

Ekonomija

Sport