Saturday, May 4, 2024

“Ma nbidel xejn… Għall-Kap tal-Oppożizzjoni l-id tal-ħbiberija tfisser li tgħaddi tiegħu”

Il-PM jiddikjara li n-naħa tal-gvern ivvutat "bil-qalb" lil David Agius bħala Deputat Speaker

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Inkredibbli u surreali kif fl-ewwel intervent tal-Kap tal-Oppożizzjoni jakkuża istituzzjoni b’nuqqas ta’ imparzjalità”. Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela f’reazzjoni għar-rimarka tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech dwar il-mozzjoni tal-Prim Ministru li ppropona lil Anglu Farrugia bħala l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati.

Il-Prim Ministru kompla biex jgħid li osservazzjoni oħra kienet li l-id tal-ħbiberija għal Grech tfisser li tgħaddi tiegħu f’kollox b’attitudni li tinjora għal kollox id-deċiżjoni tal-poplu fis-26 ta’ Marzu li għadda.

Filwaqt li estenda l-id tal-ħbiberija tiegħu mill-ġdid, il-Prim Ministru stieden lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jasal fuq qbil dwar karigi li għadhom pendenti. 

Min-naħa l-oħra, dwar il-kariga ta’ Deputat Speaker, il-Prim Ministru qal li bħala gvern mhux biss qablu dwar il-prinċipju li dak ikun min-naħa tal-Oppożizzjoni u għalhekk ikkonferma li se jkunu qegħdin jivvutaw favur il-ħatra ta’ David Agius.

“Nemmen li Farrugia huwa meritevoli li jkompli f’din il-kariga, għaliex fl-aħħar leġislatura kien hemm episodji li fihom huwa vvota favur din in-naħa tal-Kamra u kien hemm oħrajn li fihom ivvota favur in-naħa l-oħra”, temm Abela filwaqt li ddikjara li n-naħa tal-gvern se tkun qiegħda tivvota bil-qalb kemm għall-ħatra ta’ Anġlu Farrugia bl-istess mod li bih se tkun qiegħda tivvota bil-qalb għall-ħatra ta’ David Agius.

Wara li saret il-votazzjoni, Anġlu Farrugia nħatar bħala l-Ispeaker filwaqt li David Agius inħatar bħala d-Deputat Speaker.

Sport