Tuesday, April 23, 2024

MAFA: Valletta St Pauls isaħħu l-ewwel post

Aqra wkoll

Valletta St Pauls saħħew posthom fil-quċċata tal-klassifika tal-kampjonat tal-MOCHIKA MAFA L-Ewwel Diviżjoni meta għelbu bl-iskor minimu ta’ 1-0 lil Tal-Qroqq Versity Kamelasa.

Din kienet it-tielet rebħa tal-istaġun għat-tim mill-kapitali kontra dak minn Tal-Qroqq wara skors ta’ 2-0 fil-kampjonat u fil-MAFA KO.

Il-gowl li ddeċieda l-konfront ġie skorjat tard fil-partita permezz tas-sostitut Kane Psaila li rċieva mingħand Matthew Salvatore u b’xutt tajjeb għeleb lill-goalkeeper ta’ Kamelasa.

Referee kien Gjorgji Bitri.

Mill-kampjonat tat-tieni diviżjoni, Balluta Barracudas ħolqu sorpriża kbira hekk kif għelbu lil-liders Swieqi Braves bl-iskor kbir ta’ 6-0.

Din kienet l-ewwel telfa li sofrew l-istudenti Brażiljani li sa qabel dan il-konfront kienu qalgħu biss erba’ gowls minn seba’ logħbiet.

Madankollu fin-nuqqas ta’ diversi plejers, partikolarment il-goalkeeper, Swieqi ma kinitx il-ġurnata tagħhom, b’Balluta li lagħbu l-aqwa logħba tal-istaġun u bdew itellgħu diversi kontrattakki perikolużi li sitta minnhom irriżultaw f’gowls.

Nick Borg poġġa lil Cudas minn fuq wara 11-il minuta logħob b’Sebastian Fenech iżid l-iskor erba’minuti qabel il-mistrieħ.

Fit-tieni taqsima, il-pjan tal-logħba qajla nbidel b’Balluta li baqgħu dominanti u skorjaw erba’ darbiet oħra permezz ta’ Kain Gauci, Robert Fenech Adami, Timmy Zammit Lupi u Paul Baysset.

Referee kien Jason Penza.

Swieqi xorta waħda għandhom vantaġġ ta’ tliet punti fuq ir-rivali tagħhom Valletta Stars St Dominic hekk kif dawn tal-aħħar spiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra Ta’ Ġiorni Wanderers.

Kienet logħba bilanċjata bir-riżultat ta’ draw jkun l-iktar wieħed ġust.

Kien Mohammed Abdukadir li poġġa lill-Beltin minn fuq wara 47 minuti logħob sabiex Luke Gatt ġab l-iskor indaqs fl-64 minuta għal Ta’ Ġiorni.

Referee kien Peter Abela.

Naxxar Victorians kisbu rebħa ferm importanti ta’ 1-0 kontra Birkirkara St Joseph sabiex inqalgħu mill-aħħar post tal-klassifika.

Kienet logħba li n-Naxxarin riedu jirbħu akkost ta’ kollox bil-gowl rebbieħ jiġi skorjat minn Keith Zammit Tabona mas-siegħa logħob.

B’kuntrast Birkirkara sofrew ir-raba’ telfa tal-istaġun.

Referee kien Jean Pierre Sammut.

Gudja Wanderers ukoll inqalgħu mill-aħħar post tal-klassifika wara li fil-konfront dirett għelbu lil Żabbar Southsiders 2-1.

Il-Gudjani ħarġu bħal iljuni lesti sabiex jattakkaw u fl-ewwel 27 minuta kienu diġa’ 2-0 minn fuq grazzi għall-gowls ta’ Matthew Vassallo u Andrew Cachia.

Żabbar ħarġu tajjeb ħafna fit-tieni taqsima u naqqsu l-marġni tal-iskor fit-42 minuta permezz ta’ Clayton Mifsud. Huma komplew jattakkaw biex tal-inqas jieħdu punt minn din il-partita iżda d-difiża Gudjana bil-goalkeeper b’kollox irnexxielhom jevitaw dan kollu.

Referee kien Saviour Brignone.

Fil-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Attard Edex Kings saħħew posthom fil-quċċata tal-klassifika meta għelbu lil Buġibba Club de SWAT 5-0.

Attard kienu ferm tajbin fil-logħba tagħhom fejn kellhom lill-attakkanti Deison Cuero u Obelis Cuero f’forma mill-aqwa. Deison skorja żewġ gowls verament sbieħ wieħed minn freekick u l-ieħor minn xutt minn kważi nofs il-grawnd.

Obelis skorja doppjetta oħra b’Rajpal Singh jipparteċipa fil-festival tal-gowls.

B’din ir-rebħa, Attard issa għandhom erba’ punti vantaġġ fuq l-eqreb rivali tagħhom Għaxaq Wolves li għandhom logħba inqas.

Referee kien Jean Pierre Mifsud.

STANDINGS – MOCHIKA MAFA FIRST DIVISION

Valletta St Pauls 15, Senglea Gunners, Marsa St Michael 12, Tal-Qroqq Versity Kamelasa 11, San Ġwann Pro Evolution Academy, San Ġiljan Saints 10, Mqabba Albions 8, Żebbuġ Youngsters 1

STANDINGS – MAFA SECOND DIVISION

Swieqi Braves 19, Valletta Stars 16, Balluta Barracudas 14, Ta’ Ġiorni Wanderers 13, Birkirkara St Joseph 8, Gudja Wanderers, Naxxar Victorians 7, Żabbar Southsiders 6.

STANDINGS – MAFA THIRD DIVISION

Attard Edex Kings 17, Għaxaq Wolves 13, Buġibba Club de SWAT 11, Gżira United Sports Club 8, Fgura Spartans 5, Ħamrun Amateurs 4.

Sport