Il-Gvern Malti llum kompla jimmarka l-impenn tiegħu għal futur ekonomiku sostenibbli permezz tal-iffirmar tal-ewwel Shore Power Agreement fir-reġjun tal-Mediterran mal-kumpanija tal-cruises Carnival UK u l-P&O Cruises. F’konferenza tal-aħbarijiet f’Villa Bighi fil-Kalkara, il-Prim Ministru Abela Robert Abela enfasizza l-importanza ta’ din l-inizjattiva. “Aħna qegħdin hawn illum biex nuru kif qed inħaddnu mudell ekonomiku sostenibbli li jimbotta ’l quddiem l-innovazzjoni, l-effiċjenza u s-sostenibbiltà,” saħaq il-Prim Ministru fl-indirizz tiegħu.
L-introduzzjoni ta’ cruise berths elettrifikati żviluppati taħt l-inizjattiva Shore-to-Ship se jittrasformaw l-infrastruttura marittima ta’ Malta, u b’hekk il-cruise liners ta’ din il-kumpanija jkunu jistgħu jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom billi jieħdu l-enerġija mill-grid waqt li jkunu fil-Port il-Kbir. Dan permezz ta’ ftehim iffirmat ma’ Transport Malta li se tissupplixxi l-enerġija lill-cruise liners ta’ din il-kumpanija permezz tax-Shore-to-Ship. Din l-inizjattiva mistennija tkompli ttejjeb b’mod sinifikanti l-kwalità tal-arja fil-Port il-kbir, b’benefiċċju dirett għall-eluf ta’ residenti u viżitaturi. Dawn jġibu magħhom wkoll effetti ekonomiċi sostanzjali.
Il-Prim Ministru Abela spjega li l-cruise liners jikkontribwixxu madwar €88 miljun fis-sena għall-ekonomija ta’ Malta, bi kważi €40 miljun iġġenerati direttament mill-passiġġieri waqt iż-żjarat tagħhom. Saħaq li dan il-ftehim jfisser ħafna iktar milli sempliċiment Malta tkun qed timxi mar-regoli tal-Unjoni Ewropea. “Dan hu ftehim li juri t-tip ta’ kuraġġ fit-tmexxija li għandu dan il-Gvern huwa dwar li nuru lid-dinja li ġens ta’ gżira żgħira bħal Malta tista’ tkun minn ta ’quddiem fi prattiċi marittimi sostenibbli,” sostna Dr Abela.
Il-ftehim ma’ Carnival Corporation ikompli jibni fuq passi oħra u juri fid-deher il-viżjoni ta’ Malta li ssir ċentru għall-innovazzjoni ekoloġika, billi tintegra sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bħax-xemx u r-riħ, mal-enerġija mix-xatt għall-vapuri. “Bl-użu tal-qawwa tax-xemx u l-baħar, mhux biss qed innaqqsu l-emissjonijiet iżda wkoll qed nippożizzjonaw lil Malta bħala eżempju tal-progress ekoloġiku li jista’ jkollna fil-Mediterran,” stqarr il-Prim Ministru Abela.
Tenna li l-investiment fi prattiċi sostenibbli ma jsirx biss għaliex konvinti minnu moralment iżda wkoll għaliex hemm vantaġġ kompetittivi. Malta qed tippożizzjona ruħha bħala eżempju ta’ pajjiż fil-Mediterran li qed jirnexxielu jattira l-investiment, joħloq xogħol ta’ kwalità, u jassigura prosperità fit-tul. Il-Prim Ministru enfasizza kif is-sinerġiji li hemm f’dan il-proġett huma eżempju tanġibbli ta’ x’tista’ tikseb il-viżjoni ta’ Malta 2050.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett saħaq li bl-introduzzjoni tal-Onshore Power Supply, qeghdin niżguraw operat marittimu sostenibbli f’wieħed mil-isbaħ portijiet tad-dinja. “Meta l-vapuri jidħlu fil-port u jaqbdu mal-grid elettrika tal-pajjiż, inkunu qegħdin inaqqsu drastikament it-tniġġis fil-madwar, b’impatt pożittiv kbir fuq il-komunitajiet u l-irħula li jdawwru l-port,” sostna l-Ministru Bonett. “B’dan il-ftehim tal-lum ma’ waħda mill-ikbar kumpaniji tal-cruise liners, l-ewwel wieħed tax-xorti tiegħu fir-reġjun Mediterran, Malta qed tkompli tkun minn ta’ quddiem favur din il-bidla tant importanti. Kburin li din il-bidla qegħdin nagħmluha ħames snin qabel dak mitlub minnha mill-Unjoni Ewropea,” qal Dr Bonett. Għal dan l-iffirmar attendiet ukoll il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli.
Il-President tal-Carnival UK & P&O Cruises Paul Ludlow qal, “P&O Cruises għandha storja twila u wiesgħa fil-ħafna destinazzjonijiet li lejhom inbaħħru. Nisimgħu u nikkollaboraw magħhom biex naqsmu l-kulturi, nippromwovu l-ivvjaġġar sostenibbli u niżviluppaw prattiċi tajbin. Illum qed niċċelebraw dan il-ftehim bħala tragward importanti f’dan il-vjaġġ, flimkien ma’ Malta u l-Port il-Kbir. Permezz ta’ dawn l-azzjonijiet u r-relazzjoni kontinwa tagħna, ser niżguraw li l-cruise liners tagħna f’Malta jkomplu joħolqu ġid kemm finanzjarju imma anke dak soċjali. Dan filwaqt li nipproteġu l-kultura u l-istorja lokali, u nieħdu ħsieb l-ambjent naturali.”
Il-President tal-Assoċjazzjoni Ewropea dwar l-Onshore Power Supply (EOPSA) Roland Teixeira de Mattos qal li l-ftehim iffirmat illum bejn Transport Malta u Carnival imur lil hinn minn ftehim dwar ix-Shore-to-Ship. Qal li dan huwa ftehim b’dikjarazzjoni li l-Gvern Malti u l-Kap Eżekuttiv ta’ Carnival mhux jistennew għall-bidla biex isseħħ iżda qed iwettqu l-bidla. “Id-dekarbonizazzzjoni, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-qalba għall-enerġija nadifa mhumiex proċessi awtomatiċi. Dawn jirrikjedu viżjoni, impenn u mexxejja li jkunu deċiżivi u jimbuttaw dawn il-bidliet ’il quddiem,” qal il-President tal-EOPSA.
Carnival UK & P&O Cruises iffirmaw il-ftehim f’isem Carnival Corporation & plc, li ħafna mid-disa’ linji tal-cruises fosthom P&O Cruises, Cunard, AIDA, Costa, Holland America, Seabourn u Princess Cruises regolarment jidħlu Malta. Kull ġimgħa matul l-istaġun tas-sajf P&O Cruises tuża l-Port il-Kbir bħala home port tagħha. Dan bħala parti mill-programm tagħha Europe Fly li jiffaċilita l-itinerarji fly-cruise fil-Punent, fiċ-Ċentru u fil-Lvant tal-Mediterran. Intant il-bastiment tal-P&O Cruises, AZURA bħalissa qed jsirulu xogħlijiet fi drydock f’Malta u li permezz tagħhom imbagħad il-vapur se jkun jista’ jaqbad mas-sistemi tax-Shore-to-Ship.