Malta miegħek: Anzjani, ġenituri u persuni vulnerabbli 

Aqra wkoll

Mill-ġdid dan kien Budget li kompla jibni fuq għajnuniet kruċjali lill-anzjani, lil Carers, lill-familji bi qligħ baxx u medju u appoġġ finanzjarju lill-aktar persuni vulnerabbli

Il-ġimgħa l-oħra it-Torċa tat ħarsa lejn iż-żidiet, benefiċċji u proġetti li minnhom gawdew il-pensjonanti mill-2013 sal-2026, bil-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana jgħid li qatt daqs illum il-pensjonanti ma raw żidiet fil-pensjonijiet u servizzi mogħtija lilhom. 

Il-Budget 2027 kompla jibni fuq dak li wettaq Gvern Laburista f’14-il sena: Snin ta’ żidiet u investiment bla preċedenti fid-dinjità u l-livell tal-għixien tal-anzjani li fl-aħħar mill-aħħar jibqgħu fost l-aktar settur vulnerabbli tal-popolazzjoni. 

It-Torċa qed tirriproduċi numru ta’ miżuri li se jkunu qed jidħlu fis-seħħ is-sena d-dieħla u li se jagħmlu differenza reali fil-ħajja tal-pensjonant. 

Żidiet fil-pensjonijiet u dħul mill-pensjonijiet tax free

Minn Jannar se tidħol fis-seħħ żieda ta’ €10 fil-ġimgħa, inkluża l-COLA għal kull pensjonant. Dan ifisser li mill-2013 sa llum iż-żidiet globali għall-pensjonanti issa jammontaw għal ftit aktar minn €92 kull ġimgħa. 

Dan huwa l-ewwel pass biex tinżamm il-wegħda elettorali tal-Manifest Int Malta biex il-pensjonanti jaraw żieda ta’ €50 f’ħames snin.

Il-limitu tad-dħul minn pensjonijiet eżenti mit-taxxa se jiżdied b’€520, għal €37,624 fis-sena.

Ugwaljanza fil-pensjonijiet

L-anomalija fir-rigward tad-Dħul Pensjonabbli Massimu se tkompli tiġi ratifikata biex tkun eliminata totalment fl-2028. B’hekk fil-Budget 2027 tħabbar li d-dħul pensjonabbli massimu se jerġa’ jiżdied għal €28,000, bi 15,000 pensjonant jaraw żieda addizzjonali fil-pensjonijiet. 

Fost l-aktar pensjonanti li raw bidliet pożittivi fil-Budget hemm ir-romol, li grazzi għal dan il-Budget se jkunu qed jirċievu żieda oħra biex issa se jibbenefikaw mill-pensjoni sħiħa taż-żewġ terzi. Huma b’kollox 7,000 armla li se jkunu qed jibbenefikaw minn din il-miżura.  

Flimkien mal-miżuri mill-2021, madwar 3,200 mara jkunu saru pensjonanti għall-ewwel darba. Dan filwaqt li 3,800 mara oħra li ma jieħdux pensjoni se jieħdu żieda fil-bonus annwali tagħhom. 

Nagħtu ħarsa lejn il-bonus annwali. Għal min m’għandux biżżejjed kontribuzzjonijiet għal pensjoni, il-bonus annwali tagħhom se jiżdied b’aktar minn €333 fis-sena, għal rati ta’ madwar €933 sa €1,383.

Trasferiment ta’ bolol  – eluf isiru pensjonanti għall-ewwel darba

Waqt il-Budget il-Ministru tal-Finanzi ħabbar miżura ta’ trasferiment ta’ kontribuzzjonijiet bejn konjuġi, sħab f’unjoni ċivili u koabitanti reġistrati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet.

Dawn jistgħu jittraserfixxu sa 260 kontribuzzjoni, jiġifieri daqs ħames snin pensjoni li mbagħad iwasslu għal pensjoni minima jew żieda fil-Bonus Annwali. 

Min jista’ jibbenefika?

Minn din il-miżura jistgħu jibbenefikaw iż-żewġ membri tal-koppja u min jirċievi l-bolol, għandu jkollu minimu ta’ 50 kontribuzzjoni mħallsa. 

B’kollox se jibbenefikaw 3,200 mara miżżewġa minn din il-miżura u dan se jfisser investiment ta’ €13-il miljun. 

Bonuses lill-anzjani

Apparti l-Bonus Annwali, il-Gvern neħħa kull anomalija fil-Bonus tal-għoli tal-ħajja biex dan issa se jkun ta’ €21.53 fil-ġimgħa għal kull anzjan irrispettivament mis-sena tal-irtirar. 

L-ammont tal-pensjoni tas-servizz injorat għall-finijiet tal-Pensjoni tas-Sigurtà Soċjali jibda jiżdied bi €300 fis-sena, minflok €200. Għal min jagħlaq 72 sena, jiġi injorat l-ammont kollu kkommutat.

Eks membri tal-korpi dixxiplinati li jirċievu pensjoni tas-servizz, iżda mhux Pensjoni tas-Sigurtà Soċjali u li m’humiex impjegati se jkunu qed jingħataw €520 oħra fis-sena fil-bonus li jirċievu.

Intant, il-Gvern ħabbar ukoll li s-sussidju tal-Carer at Home se jiżdied b’€800 għal massimu ta’ €9,800.

Budget soċjali: Imma kif? 

Dan il-Budget bħal prattikament dawk kollha ta’ qablu huma mnebbħa mill-ġustizzja soċjali u l-għajnuna lil dawk l-aktar vulnerabbli. 

Dawn huma ftit mill-miżuri li daħħal il-Gvern biex jgħin lil dawk l-aktar li jeħtieġu l-għajnuna. 

1 – Mill-ġdid se jitħaddem il-mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA għal persuni bi dħul baxx jew medju, pensjonanti, persuni single u aktar. Dan il-ħlas ivarja minn minimu ta’€200 sa massimu ta’ €1,500.

2 – Fl-ewwel nofs tal-2027, 14,000 familja se jirċievu €500 għal kull wild f’edukazzjoni post-sekondarja 

3 – Fl-2027 il-Carers Grant li titħallas lil ġenituri li ma jistgħux jaħdmu minħabba d-diżabilità severa ta’ wliedhom, tiġi ewkivalenti għall-Paga Minima Nazzjonali netta. Għalhekk is-sena d-dieħla se titla’ għal €7,500

4 – Il-Benefiċċju tal-Carer at Home li jitħallas lil anzjani li jimpjegaw carer full time se tiżdied bi €800  – għal €9,800

5 –  L-għotja lil ġenituri li jadottaw se tiżdied b’€1,000 għal total ta’ €13,000. Sal-aħħar tal-leġiżlatura din se tiżdied għal €15,000

6 – Leave addizzjonali ta’ 10 ijiem mix-xogħol – daqs il-leave tal-paternità  – għal ġenituri li jiffosterjaw

7 – Bħala parti mill-Aftercare Policy għal żgħażagħ f’kura alternattiva, se jitfassal qafas ta’ appoġġ u benefiċċji biex jgħinu liż-żgħażagh jgħaddu għal ħajja indipendenti wara żmien jgħixu f’istituzzjonijiet għall-adolexxenti.

8 – L-Allowance Supplimentari għal Orfni se jkun estiż mil-età ta’ 21 sena sa 25 sena, f’każ li tali orfni jkun għadu fl-edukazzjoni terzjarja, jew sa 6 xhur wara li jiggradwa u jibda jaħdem, liema tiġi l-ewwel. Ir-rata f’dan il-każ tkun ogħla u se tkun ta’ €170 fil-ġimgħa 

9 –  Il-Paga Minima Nazzjonali tiżdied b’€10.41 – inkluż il-COLA

10 – L-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa se tkun qed tiżdied b’€9.37 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport