Sunday, December 22, 2024

Malta qed tospita laqgħa teknika tal-WHO għall-pajjiżi ż-żgħar fir-Reġjun tal-Ewropa

Aqra wkoll

F’Malta qed tittella’ laqgħa teknika tal-WHO għall-pajjiżi ż-żgħar fir-Reġjun tal-Ewropa. Din il-laqgħa qed tiffoka primarjament fuq l-ippjanar u t-tbassir tal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa f’pajjiżi li huma parti mill-Inizjattivi tal-Pajjiżi ż-żgħar tal-WHO.

Ġie diskuss kif fl-aħħar xhur sar progress sinifikanti minn dawn il-pajjiżi ż-żgħar, fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali tar-Riżorsi Umani għas-Saħħa (HRH). Ġie diskuss ukoll l-għoti ta’ appoġġ maniġerjali u tekniku għall-iżvilupp ta’ għodod meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrateġiji.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela spjega kif Malta bbenefikat minn appoġġ tekniku simili, li wassal għall-ħolqien ta’ għodda għall-ħaddiema u professjonisti fil-qasam tas-saħħa. Saħaq kif dan jiffaċilita l-ippjanar u t-tbassir fit-tul relatat mar-riżorsi umana. Qal kif din l-għodda, żviluppata permezz tal-kollaborazzjoni bejn il-WHO u l-grupp ta’ ħidma mill-Ministeru għas-Saħħa ta’ Malta, kienet strumentali biex tassisti lill-professjonisti tas-saħħa fl-ippjanar għall-ħtiġijiet futuri. 

Il-Ministru Abela qal kif din id-diskussjoni timxi mal-Istrateġija tas-Saħħa Health Workforce Strategy 2022-2030 imnedija f’Ottubru 2022, li tinkludi pjan komprensiv li jwassal għal deċiżjonijiet strateġiċi fejn jidħlu l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, permezz ta’ inizjattivi relatati mal-ippjanar ta’ aktar ħaddiema, l-użu tal-ħiliet, u l-benesseri tal-professjonisti tas-saħħa.

“Hu ta’ unur għal Malta li għall-ewwel darba qed tospita din il-laqgħa teknika. Laqgħat bħal dawn jgħinu lill-pajjiżi konċernati jiddiskuti l-isfidi li bħala pajjiżi żgħar insibu biex flimkien naħdmu favur soluzzjoni għall-benefiċċju tal-pazjenti tagħna,” temm jgħid il-Ministru Abela.

Ekonomija

Sport