Monday, December 23, 2024

“Malta se tikkontribwixxi €150,000 fil-Fond Globali”

Il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

Malta se tkun qiegħda tikkontribwixxi €150,000 fil-Fond Globali, li huwa maħsub biex jiġġieled mard bħall-AIDS, it-Tuberkolożi u l-Malarja. Dan ħabbru l-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-Fond Globali, bħala parti mill-impenji tiegħu fi New York ġewwa l-Istati Uniti. 

Dr Abela qal: “fil-fidu ta’ dan l-avvenimenti ġejna infurmati li kien jeħtieġ mill-inqas 18-il biljun dollaru Amerikan biex id-dinja terġa’ lura fit-triq sabiex ittemm l-HIV, it-tuberkolożi u l-malarja sal-2030. Li jonqos ħafna, jekk mhux jinqered dan it-tip ta’ mard sal-2030, għandu jkun għan tas-saħħa globali tal-ogħla livell u huwa għan li pajjiżna kburi li se jikkontribwixxi għalih. Nista’ nikkonferma li se nkunu qed nipprovdu appoġġ finanzjarju għat-tliet snin li ġejjin fl-ammont ta’ €150,000.”

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-pandemija globali, fejn innota kif filwaqt li din għaddiet f’diversi pajjiżi, għad hemm pajjiżi oħra li għadhom qed jiżviluppaw u li għadhom qed jikkumbattu din il-pandemija. 

Sadanittant, il-Prim Ministru Abela kellu wkoll diversi laqgħat bilaterali mal-kapijiet tal-istat u tal-gvern bil-għan li jissaħħu r-relazzjonijiet ma’ pajjiżi differenti.F’laqgħa mal-President tar-Repubblika tal-Jemen Rashad Mohamed Ali Al-Alimi, id-diskussjoni ffukat fuq ir-rwol ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda s-sena d-dieħla. 

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta hija mpenjata li f’ħidma mal-pajjiżi kollha li jiffurmaw parti mill-kunsill biex tassigura r-rispett għar-regolamenti internazzjonali. Żied jgħid li Malta tappoġġja l-isforzi ta’ paċi mmexxija min-Nazzjonijiet Magħquda fil-Jemen, u enfasizza l-ħtieġa li l-partijiet kollha, inklużi ċ-ċittadini tal-Jemen, jidħlu fi proċess inklużiv lejn il-paċi u l-istabbiltà.

F’laqgħa bilaterali bejn il-President tar-Repubblika tal-Ekwador Guillermo Lasso Mendoza u l-Prim Ministru Robert Abela, iż-żewġ pajjiżi qablu li se jkunu qed jaħdmu flimkien bħala membri eletti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda bejn l-2023 u l-2024. Id-diskussjoni ffukat fuq il-prijoritajiet komuni, fosthom l-aġenda fuq il-paċi u s-sigurtà, is-sigurtà tal-klima, u li jinżammu bħala prijorità soluzzjonijiet paċifiċi għat-tilwim. Il-prim ministru nnota ukoll ir-rabtiet kordjali bejn iż-żewġ pajjiżi u enfasizza li Malta hija miftuħa biex iżżid u ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali.

 F’laqgħa li saret mal-President tal-Ghana Nana Addo Dankwa Akufo-Addo ġew enfasizzati r-rabtiet b’saħħithom bejn Malta u l-Ghana, partikolarment f’oqsma bħall-kummerċ u t-turiżmu. Ġiet indirizzata ukoll il-possibbiltà għal titjiriet diretti bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li jħares ‘il quddiem għal kollaborazzjoni kontinwa kemm bilateralment kif ukoll multilateralment.

Ekonomija

Sport