Sunday, November 24, 2024

Malta se tospita laqgħa tal-WHO f’Novembru li ġej

Aqra wkoll

Pajjiżna ġie magħżul biex jospita laqgħa Ministerjali organizzata mill-WHO f’Novembru li ġej bit-tema ‘Health Work Force Planning’. Dan tħabbar f’Ċipru waqt il-laqgħa ‘Tenth High-level Meeting of the Small Countries Initiative: converging on small-country health priorities’ li għaliha qed jattendi l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.

Il-laqgħa li qed ssir f’Ċipru qed tiffoka primarjament fuq żewġ oqsma ewlenin: il-kanċer, inkluż programmi ta’ screening tal-popolazzjoni u kanċer pedjatriku, kif ukoll is-saħħa u t-tibdil fil-klima, inkluż l-impatt u l-esperjenzi ta’ pajjiżi żgħar.

Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Jo Etienne Abela tkellem dwar il-prevenzjoni u l-kura tal-mard tal-kanċer. Huwa enfasizza fuq l-importanza li jiżdied aktar għarfien dwar il-marda tal-kanċer u biex iħeġġu aktar persuni jagħmlu screening għall-kanċer biex b’hekk ikunu jistgħu jidentifikaw problemi ta’ mard minn kmieni. Il-Ministru tkellem ukoll dwar il-ħidma li qed issir f’Malta biex tiġi indirizzata l-obeżità.

Dwar il-futur tal-kura tal-kanċer, semma kif pajjiżna qed ikompli jistudja aktar fid-dettall ir-rabta bejn il-bijoġenetika u l-intelliġenza artifiċjali sabiex din tkun tista’ twassal għal kura personalizzata.

Il-Ministru Abela ddiskuta wkoll l-isfidi li jiffaċċjaw pajjiżi żgħar fl-akkwist ta’ mediċini. Qal kif dawn l-isfidi qed ikomplu jikbru minħabba problemi ta’ lingwa, kif ukoll problemi ġeo-politiċi li jimpattaw prezzijiet u loġistika. Tenna li Malta tħares ’l quddiem għal aktar kollaborazzjoni u solidarjetà f’dan il-qasam. Il-WHO qablet mal-Ministru Abela dwar dan il-punt u semmiet ukoll li l-akkwist ta’ tagħmir u teknoloġija għandu jkun mogħti prijorità wkoll.

Rigward l-effetti tat-tibdil tal-klima, l-Ministru Abela semma kif f’Malta l-entitajiet governattivi għandhom pjan t’azzjoni għat-tibdil tal-klima u tenna li l-Gvern Malti kommess li jkompli jieħu azzjoni kontra dan il-fenomenu globali.

“Inħares ’il quddiem għal Novembru li ġej, hekk kif pajjiżna flimkien mal-WHO se jkun qed jospita numru ta’ pajjiżi għal laqgħa ministerjali, fejn matulha se tkun qed tiġi diskussa t-tema ta’ Health Work Force Planning”, temm jgħid il-Ministru Abela.

Sport