Sunday, November 24, 2024

“Malta taħdem biex tliet kwarti tal-oċean li ma jaqgħu taħt l-ebda stat jitqiesu wirt komuni tal-umanità”

Aqra wkoll

B’siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, Malta tissokta taħdem sabiex tliet kwarti tal-oċean li ma jaqgħu taħt l-ebda stat jitqiesu wirt komuni tal-umanità. Dan qalu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo f’laqgħa virtwali dwar it-tibdil fil-klima, il-paċi u s-sigurtà bħala parti mill-attivitajiet tal-COP26 fi Glasgow. Malta qed taspira li sservi fuq il-Kunsill tas-Sigurtà bejn l-2023 u l-2024.

Il-Ministru Evarist Bartolo qal li Malta ilha 54 sena tqis il-pjaneta bħala d-dar komuni tagħna, minn żmien l-ambaxxatur Arvid Pardo u l-proposta tiegħu li l-ġid fil-baħar jitqies wirt komuni tal-umanità.

“Mill-1988, għidna biex ilkoll flimkien nieħdu ħsieb it-tibdil fil-klima għax tolqot lill-bnedmin kollha. Fl-2015, ħdimna biex jintlaħaq ftehim u jinkiseb appoġġ għall-Patt ta’ Pariġi dwar il-Bidla tal-Klima.”

Il-Ministru Bartolo qal li Malta se tkompli b’dan l-impenn favur il-gżejjer żgħar li l-inqas iniġġsu u l-aktar li jintlaqtu.

“Naħdmu favur l-Afrika, għax jekk il-klima tisħon iżjed se jitilfu 15% tal-ġid nazzjonali tagħhom u 100 miljun oħrajn se jiffaċċjaw il-ġuħ. Ħafna jemigraw ifittxu ħajja aħjar u jsiru vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u joħolqu sfidi għall-pajjiżi oħra.”

Il-Ministru Bartolo qal li fid-dinja jintefqu żewġ triljun dollaru fuq l-armamenti kull sena, iżda għadna m’aħniex insibu 100 biljun dollaru (5%) biex ma nħallux it-temperatura ma tgħoliex iżjed minn 1.5 grad Celsius ieħor. Huwa qal li l-bidla fil-klima, il-paċi u s-sigurtà jridu jintrabtu mal-iżvilupp ekonomiku u soċjali biex titejjeb il-ħajja tan-nies.

“Irridu ngħinu lin-nies u lill-pajjiżi jagħmlu l-bidliet fil-konsum u l-produzzjoni, inkella se nfallu, għax in-nies għandhom dritt għall-għajxien diċenti. Jekk ma jiksbux dan, la jkun hemm paċi u lanqas stabbilità, u jduru kontra l-miżuri biex titrażżan il-bidla fil-klima għax joħolqulhom tbatijiet ġodda,” qal il-Ministru Bartolo.

Il-laqgħa tmexxiet mill-Munich Security Conference u fost dawk li ħadu sehem kien hemm Jens Stoltenberg, Segretarju Ġenerali tan-NATO, u Ben Wallace, Ministru tad-Difiża Brittaniku, Raychelle Omamo, Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Kenja u Miguel Berger, is-Segretarju tal-Istat Ġermaniż. Immodera l-Ambaxxatur Wolfgang Ischinger tal-Munich Security Conference.

Sport