Sunday, December 22, 2024

Malta tipparteċipa fil-konferenza internazzjonali “Our Ocean”

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said pparteċipat fid-disa’ edizzjoni tal-konferenza internazzjonali “Our Ocean” li ttellgħet f’Ateni, il-Greċja. Jakkumpanjaw lis-Segretarju Parlamentari waqt il-Konferenza kien hemm l-eks Kummissarju Ewropew, Karmenu Vella flimkien mal-Ambaxxatur Malti għall-Greċja Joseph Cuschieri.

Tul din il-konferenza l-pajjiżi kollha kkomettew €11.3 biljun li se jiġu msarrfa f’bosta miżuri  favur l-ħarsien u s-sostenibbiltà tal-ibħra. Flimkien mal-pajjiżi l-oħra, Malta sostniet l-impenn tagħha favur il-ħarsien u l-użu sostenibbli tal-baħar permezz ta’ bosta azzjonijiet, li fost oħrajn, se jwasslu għal aktar investiment u tisħiħ fl-oqsma tas-sajd u l-akwakultura.

Fl-intervent tagħha waqt sessjoni plenarja dwar l-isfidi u l-opportunitajiet fil-baħar Mediterran, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said saħqet li, “Il-Mediterran huwa baħar uniku, imdawwar b’kosta estiża li tmiss ma’ 22 pajjiż, fosthom Malta. Dawn il-pajjiżi jaqsmu bosta riżorsi li bihom jiġġeneraw diversi attivitajiet ekonomiċi. Għaldaqstant huwa kruċjali li l-pajjiżi tal-Mediterran ikomplu jaħdmu u jikkoperaw flimkien biex ikollna ekonomija blu dejjem aktar sostenibbli u riġenerattiva.” 

Fl-intervent tiegħu, l-eks Kummissarju Ewropew Karmenu Vella enfasizza fuq l-importanza ta’ din il-konferenza li twassal għal azzjonijiet konkreti favur l-oċeani, u l-bosta kommunitajiet li jiddependu minnhom. Huwa tenna kif din il-konferenza flimkien ma’ edizzjonijiet oħra preċedenti, fosthom dik li saret f’Malta fl-2017, qed iwasslu għal azzjoni konkreta fid-dawl ta’ sfidi globali bħat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni tal-bijodiversità.

Ekonomija

Sport