Monday, April 29, 2024

Malta tittrippla l-prestazzjoni tagħha tar-riċiklaġġ tal-plastik u tikseb riżultati saħansitra aħjar għal riċiklabbli oħra

Aqra wkoll

Din is-sena se tinżel fl-istorja bħala sena rekord fl-immaniġġjar sostenibbli tal-iskart. Dan mhux biss  ifisser li Malta mxiet mill-aħħar pożizzjoni fl-iscoresheets tal-UE, iżda jekk pajjiżi oħra jżommu l prestazzjoni attwali tagħhom, Malta tkun biss sebgħa punti perċentwali milli taqbeż il-medja tal-UE. Dan  huwa estremament inkoraġġanti peress li l-projezzjonijiet għas-sena d-dieħla huma saħansitra aktar  ambizzjużi b’aktar titjib sostanzjali fil-viċin. 

Meta wieħed iħares lejn il-katina kollha tar-riċiklaġġ, iċ-ċifri huma aktar sostanzjali b’rata li taqbeż s 60%, id-doppju ta’ dak li kien qed jiġi rreġistrat qabel. WasteServ diġà ħabbret li l-2021 se tkun l-aktar  sena produttiva f’termini ta’ materjali riċiklabbli pproċessati minn mindu twaqqfet fl-2002 hekk kif  madwar 18,000 tunnellata ta’ kartun, karta, metall, ħġieġ, u plastik se jiġu riċiklati u rritornati fl ekonomija. Żidiet sostanzjali ġew reġistrati fil-flussi tal-iskart kollha bil-kartun u l-metall li jirrappreżentaw  l-akbar titjib. 

Il-Ministru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia spjega kif din il-prestazzjoni mtejba  dalwaqt se tkun ikkumplimentata bi pjan ġdid għall-immaniġġjar tal-iskart li mhux biss se jikkonsolida l pożizzjoni ta’ Malta imma se jippermetti li tersaq iktar viċin dawk il-pajjiżi bl-aħjar prestazzjoni.  

Hekk kif Malta miexja lejn ekonomija ċirkolari, WasteServ se tkompli taħdem fuq il-prestazzjoni tagħha  permezz ta’ deċiżjonijiet strateġiċi meħuda bil-għan li tkompli ttejjeb l-operat tagħha. WasteServ  bħalissa qed taħdem ukoll fuq l-implimentazzjoni ta’ investiment ta’ €500 miljun li jikkonsisti f’erba’  impjanti ġodda tal-ipproċessar tal-iskart li se jkunu parti mill-proġett il-ġdid ECOHIVE. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca rringrazzja lill-mijiet ta’ ħaddiema fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart li ddeskrivihom bħala l-eroj ambjentali ta’ Malta. Żied jgħid li dawn ir-riżultati huma  biss il-bidu ta’ titjib ieħor li se jkun qed jinkiseb matul is-snin li ġejjin permezz tal-proġett ECOHIVE.

Sport