Matul il-jum tat-Tnejn, fi Brussell, il-Prim Ministru Robert Abela attenda għal Summit Informali tal-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea fejn id-diskussjonijiet iffukaw fuq is-sigurtà u d-difiża Ewropea, b’Malta tenfasizza fuq il-ħtieġa li kull deċiżjoni f’dan is-settur trid tibqa’ ssir b’rispett sħiħ lejn it-Trattati tal-Unjoni Ewropea u l-politika tal-Istati Membri, inkluża dik ta’ Malta. Fis-summit ġew diskussa wkoll ir-relazzjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Istati Uniti f’kuntest tal-amministrazzjoni ġdida tal-President Trump.
Meta kienu qed jiġu diskussi t-temi tas-sigurtà u d-difiża Ewropea, il-Prim Ministru Robert Abela mhux biss tenna li dan irid isir b’rispett lejn il-Kostituzzjoni ta’ Malta, iżda nnota li quddiem sfidi ġeopolitiċi rridu nimbuttaw favur il-paċi u s-soluzzjonijiet diplomatiċi għall-waqfien tal-kunflitti. Sostna li Malta tibqa’ impenjata li tagħti għajnuna fejn ikun hemm traġedji umanitarji u hawn semma l-għajnuna li ngħatat lill-Ukrajna fil-limiti tal-Kostituzzjoni kif ukoll l-għajnuna umanitarja fil-Lvant Nofsani.
Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-Unjoni Ewropea ma għandhiex tiffoka fuq in-nefqa militari imma fuq soluzzjonijiet madwar il-mejda li jagħtu stabbiltà lill-popli madwar id-dinja. Qal li l-uniku mezz għall-waqfien mill-ġlied għandhom ikunu t-taħditiet u hawn semma li l-Istati Uniti għandha rwol importanti dwar dan taħt amministrazzjoni ġdida.
Il-mexxejja Ewropej kellhom diskussjoni wkoll dwar l-amministrazzjoni ġdida tal-President Donald Trump fl-Istati Uniti u dwar l-aħħar żviluppi fir-rigward ta’ tariffi fuq importazzjoni imposti fuq ċerti pajjiżi mill-Istati Uniti. Hawnhekk, il-Prim Ministru Malti saħaq li relazzjoni b’saħħitha bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti hija essenzjali kemm sabiex jibqgħu miftuħa għall-kummerċ u l-investiment bejniethom kif ukoll favur l-istabbiltà tas-sigurtà globali. Spjega kif Malta qed tħares lejn is-sitwazzjoni b’attenzjoni partikolari fuq tariffi imposti u saħaq li t-tkabbir trans-atlantiku li jagħti stabbiltà ekonomika għandu jibqa’ b’saħħtu. Żied jgħid li Malta, bħala pajjiż żgħir, tibqa’ favur swieq li ma jkunux imxekkla u li ma jimpattawx b’mod negattiv lill-konsumaturi.
Waqt id-diskussjoni mal-Prim Ministru tar-Renju Unit Keir Starmer, Dr Abela sostna li r-relazzjonijiet diġà b’saħħithom bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea għandhom ikomplu jiġu msaħħa. Huwa tenna li Malta tħares ’il quddiem għal aktar kollaborazzjoni mar-Renju Unit fuq diversi oqsma fosthom, mhux biss għas-sigurtà u d-difiża kollettiva tal-Ewropa, iżda wkoll f’oqsma oħrajn bħal dawk tal-farmaċewtika u tas-saħħa.