Il-Kumpanija Maltapost ġiet ordnata tħallas €155,000 lill-qraba ta’ Elenia Briffa li kienet tilfet ħajjitha wara li waqgħet minn fuq il-vettura tax-xogħol.
Il-każ kien seħħ fis-7 ta’ Mejju tal-2020 meta Briffa li għad kellha 19-il sena kienet inqalbet bil-vettura tax-xogħol fi Triq Ħal Qormi fil-Marsa u tilfet ħajjitha.
John u Doris Briffa, il-ġenituri tal-vittma kienu fetħu kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili f’isimhom u anke f’isem uliedhom fejn kienu talbu lill-Qorti biex iżomm lil Maltapost responsabbli għall-inċident traġiku.
Quddiem l-Imħallef Toni Ablea kienu tressqu diversi provi fosthom li malli l-vittma kienet waslet f’kantuniera kienet baqgħet dieħla f’bankina.
Il-ġenituri kienu sostnew li t-tajer ta’ wara nfaqa’ bl-impatt li kien hemm mal-bankina u mhux qabel. Waħda mix-xhieda mressqin kienet kollega tal-vittma fejn qalet li Briffa ma kientx libsa elmu għax kienet ratha ħierġa mingħajru.
Iżda l-Imħallef Abela fis-sentenza tiegħu rrefera għal filmati li kienu ttellgħu fuq siti tal-aħbarijiet. Skont il-filmati jidher sigarett mal-art, pakkett tas-sigaretti u lighter. Jidher li l-vittma kienet distratta.
L-Imħallef qal li t-tfajla naqset għax ma kientx libsa elmu u dan kien obblogu ta’ kull ħaddiema biex waqt xogħlu ma jpoġġix lilu nnifsu f’ċirkostanzi ta’ periklu u għalhekk ikkonkluda li kkontribwiet għall-inċident.
Iżda l-Imħallef qal ukoll li l-kumpanija naqset għax kienet konxja li l-vittma ma kinitx daqshekk kunfidenti fis-sewqan u għalkemm kellha liċenzja ta’ karozza dik li kienet qiegħda ssuq hija differenti minn karozza normali.
L-Imħallef innota li l-vettura hija tat-tip li jekk tqum minn fuq is-seat jieqaf jaħdem il-brejk, m’għandhiex bibien fil-ġenb u l-isteering qisu ta’ rota.
Għalhekk, l-Imħallef qal li l-kumpanija għandha terfa’ nofs it-tort ta’ dan l-inċident li wassal għall-mewt ta’ Briffa. Hu ordna lil Maltapost tagħti kumpens ta’ €155,000 lill-familja tal-vittma.