Mara Kolombjana xehdet nhar l-Erbgħa fil-proċeduri kontra Joseph Zammit, fejn qalet lill-qorti li kienet taħdem sa 12-il siegħa kuljum f’post fejn kienet tipprovdi servizzi sesswali, u kienet tilqa’ medja ta’ 10 klijenti kuljum. Hija spjegat li dan kien parti minn arranġament li permezz tiegħu kellha tħallas lura dejn ta’ €4,000 li kellha mal-akkużat.
L-akkużat qed jaffaċċja disa’ akkużi b’rabta ma’ reati li allegatament twettqu fl-20 ta’ Ottubru 2026 jew qabel, fosthom ħasil ta’ flus, traffikar ta’ persuni għall-finijiet ta’ sfruttament u sfruttament sesswali, arrest jew detenzjoni illegali, l-użu ta’ vjolenza jew sfurzar, iż-żamma konxja ta’ persuni kontra r-rieda tagħhom f’burdell, kif ukoll riċediva.
Fl-2018, Joseph Zammit, li kellu diversi stabbilimenti tal-massaġġi, kien tressaq il-qorti flimkien ma’ erba’ nisa Kolombjani akkużati li kienu qed imexxu burdell. Huwa sussegwentement ammetta li l-istabbilimenti kienu qed jintużaw għall-prostituzzjoni. Zammit kien ġie kkundannat sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin, kif ukoll immultat €450.
Fix-xhieda tagħha waqt is-seduta tal-Erbgħa, il-vittma qalet lill-qorti li kienet ġiet Malta għall-ewwel darba fi Frar, wara li kienet ġiet f’kuntatt mal-akkużat permezz ta’ ħabiba.
Skont ix-xhud, waqt dik it-telefonata f’Jannar, l-akkużat spjegalha li kienet se taħdem għalih f’Malta u li kienet se tasal b’dejn ta’ €4,000, minħabba li kien se jħallas għall-biljetti tal-ajru tagħha. Il-ftehim kien li l-qligħ jinqasam bejn it-tnejn u li d-dejn jitnaqqas mis-sehem tagħha.
Il-mara qalet li kienet diġà taf li kienet ġejja Malta biex taħdem fil-prostituzzjoni, iżda ma kinitx taf li kellha tħallas ukoll għall-kirja tal-post fejn kienet se tgħix.
Hija spjegat li kienet għażlet dan ix-xogħol minħabba diffikultajiet finanzjarji. Sostniet li kienet għaddiet minn diversi problemi personali, fosthom il-qtil ta’ ħuha, il-mewt ta’ missierha u djun kbar. Żiedet li d-dar ta’ ommha kienet issekwestrata u li xogħol ieħor ma kienx jagħtiha biżżejjed flus biex tħallas id-dejn malajr.
Ix-xhud qalet li l-akkużat mar jiġborha mill-ajruport u ħadha fid-dar fejn kienu jgħixu f’Marsaskala. Hija spjegat li kienu jinżammu €150 kull ġimgħa mill-flus li kienet taqla’ għall-akkomodazzjoni. Fil-fatt, il-vittma assumiet li l-akkomodazzjoni kienet se tkun b’xejn, peress li l-ftehim kien li l-qligħ jinqasam bin-nofs.
Skont ix-xhieda tagħha, kienu jgħixu madwar sitt nisa fid-dar, għalkemm tnejn minnhom telqu ftit wara li waslet hi. Waħda minnhom, qalet, kienet telqet wara madwar tliet xhur, u li l-vittma ħasbet li dan kien iż-żmien li persuna setgħet toqgħod Malta bħala turista.
Il-kundizzjonijiet tax-xogħol
Il-post fejn kienu jaħdmu kien jinsab il-Fgura, filwaqt li r-residenza tagħhom kienet f’Marsaskala. Ix-xhud qalet li l-akkużat kien imur kuljum fil-post tax-xogħol, fejn kellu l-uffiċċju tiegħu.
Hija spjegat li kienet taħdem bejn id-9am u d-9pm, u kienet tilqa’ medja ta’ għaxar klijenti kuljum, għalkemm kien hemm ġranet fejn kienet tara 14-il persuna u oħrajn fejn kienet tara tmienja. Qalet li ma kinitx tħossha komda b’dawn is-sigħat twal għax ma kellhiex ċans tistrieħ.
Ix-xhud qalet li l-akkużat kien jagħtiha struzzjonijiet dwar kif kellha tittratta lill-klijenti, il-prezzijiet tas-servizzi u kif kellu jitnaqqas id-dejn tagħha.
Skont il-mara, il-prezz standard kien ta’ €60 għal 30 minuta. Hija qalet li l-akkużat kien ordna li s-sess orali jsir mingħajr kontraċettiv, filwaqt li s-servizzi l-oħra kellhom isiru bil-kontraċettiv.
Il-ħlas kien isir jew fi flus kontanti jew permezz ta’ Revolut, li kienet tal-akkużat.
Hija spjegat li l-flus kontanti kienu jitpoġġew f’kaxxa u l-pagamenti kienu jiġu rreġistrati fuq karta. L-akkużat kien jiġbor il-flus mill-kaxxa u, meta kien imur jiġbor lin-nisa, kien jagħtihom is-sehem tagħhom.
Dwar il-mod kif kien jiġi organizzat ix-xogħol, sostniet li l-klijenti kienu jħabbtu l-bieb u mbagħad jagħżlu liema waħda miż-żewġ nisa riedu. Il-post kellu kameras fil-kuritur biex juru min kien daħal, iżda ma kienx hemm kameras fil-kmamar tas-sodda.
Ix-xhud qalet ukoll li kellhom walkie-talkies u li, f’ċerti ċirkostanzi, l-akkużat kien jagħtihom struzzjonijiet permezz tagħhom, fosthom biex ma jaqdux klijenti li kienu joħolqu problemi.
Hija qalet li matul il-ħinijiet tax-xogħol ma kinux suppost joħorġu mid-dar mingħajr permess, u li jekk kien ikun hemm xi urġenza kellhom jitolbu l-permess. Barra l-ħinijiet tax-xogħol, iżda, setgħu joħorġu jagħmlu affarijiet normali, bħalma kienet tmur tixtri.
Xtrat il-biljetti tal-ajru hi stess għat-tieni darba li ġiet Malta
Il-vittma kompliet tgħid li wara tliet xhur temmet ix-xogħol tagħha u telqet lura lejn il-Kolombja. Meta waslet l-aħħar ġurnata tagħha, ippakkjat l-affarijiet tagħha u l-akkużat taha lura depożitu li kienet ħallset fil-bidu. Hija spjegat li dan id-depożitu, li kien jammonta għal €500, kien jingħata lura biss jekk il-mara tagħmel it-tliet xhur kollha.
Bejn Mejju u Settembru, qalet li ma reġgħetx ħadmet fil-prostituzzjoni fil-Kolombja, iżda bdiet tbigħ il-ħwejjeġ online. Madankollu, qalet li l-akkużat kien qalilha li jekk qatt riedet terġa’ tiġi Malta, kien se jkollu post għaliha.
Hija spjegat li ddeċidiet terġa’ tiġi Malta f’Settembru minħabba li setgħet taqla’ aktar flus milli kienet qed taqla’ mill-bejgħ tal-ħwejjeġ. Din id-darba, kienet hi li xtrat il-biljetti tal-ajru, li swew madwar €1,500, u kienet infurmat lill-akkużat li kienet se terġa’ lura.
Meta ġiet mistoqsija dwar jekk il-kundizzjonijiet kinux inbidlu fit-tieni żjara tagħha, il-vittma qalet li l-imġiba tal-akkużat kienet inbidlet u li kien beda juri ċertu atteġġjament magħhom.
Semmiet episodji fejn, skont hi, l-akkużat kien jirrabja meta jinkiser xi oġġett jew meta xi ħadd kien jitlob li jiddepożita l-flus.
Mistoqsija jekk kienx hemm episodji ta’ vjolenza fiżika, ix-xhud wieġbet fin-negattiv. Hi kienet waslet Malta fl-10 ta’ Settembru u baqgħet hawn sal-jum li fih inqabdu, madwar ġimagħtejn qabel is-seduta ta’ nhar l-Erbgħa.
Ix-xhud għarfet lill-akkużat, Joseph Zammit, fl-awla.
Meta mistoqsija mill-maġistrat min kien żammilha l-passaport, hija wieġbet li kienet żammitu hi stess.
‘Lil ommi ma għedtilhiex li kont se naħdem fil-prostituzzjoni’
Waqt il-kontro-eżami, id-difiża reġgħet staqsiet lix-xhud dwar id-dokumenti u l-mezzi ta’ komunikazzjoni tagħha. Il-vittma kkonfermat li tul iż-żmien li għamlet taħdem f’Malta, il-passaport baqa’ fil-pussess tagħha u li kellha mobile b’aċċess għall-internet.
Il-mara spjegat li kellha SIM card tagħha u kienet tħallas hi stess għall-internet mobbli, iżda kien hemm ukoll Wi-Fi fiż-żewġ residenzi fejn kienet toqgħod. Il-qorti semgħet kif hiqatt ma ħallset kontijiet tad-dawl jew tal-ilma, iżda kienet tixtri l-ikel personali tagħha u prodotti tat-tindif.
Dwar id-dejn kbir li ddeskriviet li kellha, ix-xhud spjegat li missierha kien issellef flus mill-bank biex jixtri dar u kien poġġa l-proprjetà bħala garanzija permezz ta’ ipoteka. Wara mewtu, dan id-dejn baqa’ warajh. Il-vittma kkonfermat ukoll li ħuha ma setax jgħinha għax kien inqatel f’Mejju tal-2024.
Omm ix-xhud kellha għarfien li bintha kienet se tiġi Malta, iżda ma kinitx żvelatilha li kienet se taħdem fil-prostituzzjoni. Minflok, qaltilha li kienet se tiġi taħdem ma’ ħabiba.
Id-difiża staqsietha jekk kellhiex ilmenti dwar Zammit, speċjalment fid-dawl tal-fatt li kienet irritornat Malta għat-tieni darba. Ix-xhud wieġbet li kienet taf bil-kundizzjonijiet u kellha taċċettahom, iżda l-problema tagħha kienet il-flus li kien qed iżommilha.
Meta mistoqsija dwar l-appartament f’Marsaskala, ix-xhud ikkonfermat li kien appartament bi tliet kmamar tas-sodda. Madankollu, qalet li l-kamra tagħha kienet żgħira u kien hemm tliet sodod żgħar fiha.
Hija ddeskriviet id-dar bħala waħda f’kundizzjoni ħażina, b’kċina żgħira ħafna u cooker li ma kienx jaħdem. Madanakollu, l-oġġetti fid-dar kienu fi stat ħażin ħafna, għalkemm ikkonfermat li kien hemm dawl u ilma.
F’mistoqsija alterjuri dwar ir-realizzazzjoni tagħha li setgħet kienet vittma, ix-xhud sostniet li ma kinitx ġiet Malta kontra r-rieda tagħha u li kienet taf x’tip ta’ xogħol kienet se tagħmel.
Hija spjegat li kienet irrealizzat li kien hemm ċerti kundizzjonijiet li ma kinitx taqbel magħhom, iżda fl-aħħar mill-aħħar kienet taf li, maż-żmien, kienet se tmur lura lejn pajjiżha.
Il-Maġistrat Lara Lanfranco qiegħda tippresjedi fuq il-każ.
L-avukati mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali Ramon Bonnett Sladden u Michael Muscat dehru għall-prosekuzzjoni, flimkien mal-Ispetturi Marshal Mallia, John Spiteri u Oscar Baldacchino.
L-avukati tad-diviża Arthur Azzopardi u Franco Debono qegħdin jidhru għall-akkużat.
