Wednesday, April 23, 2025

MESSAĠĠI LI ĦALLA L-PAPA TA’ MIN JIXTARRHOM

Aqra wkoll

Hekk kif il-Knisja Kattolika għadha tinsab f’xokk u luttu wara l-mewt tal-mexxej tagħha, Papa Franġisku, ikun xieraq li nirriflettu ftit dwar il-legat kbir li ħalla warajh dan il-papa. Bla dubju li Papa Franġisku se jibqa’ mfakkar għall-ħidma importanti li wettaq tul il-pontifikat tiegħu fejn mhux biss, f’kull okkażjoni insista biex tirrenja l-paċi madwar id-dinja imma wkoll appella biex jiġi eradikat il-ġuħ u l-faqar.

Sa nhar il-Ħadd li għadda stess, jum qabel miet, waqt l-Urbi et Orbi, Papa Franġisku wassal appell qawwi għall-paċi u biex jintemmu l-kunflitti li għadhom għaddejjin. F’dak li kien l-aħħar messaġġ tiegħu, li nqara minn Mons. Diego Ravelli, il-Papa Franġisku baqa’ sal-aħħar jisħaq li rridu nerġgħu nittamaw li l-paċi hija possibbli. 

Huwa kien ukoll appella lil dawk kollha fid-dinja li għandhom responsabblità politika sabiex ma jċedux għal dik li sejħilha “l-loġika tal-biża’” u jużaw ir-riżorsi tagħhom biex jgħinu lil dawk l-aktar fil-bżonn, jiġġieldu l-ġuħ u jiffavorrixxu inizjattivi li jippromwovu l-iżvilupp. Kliem li wieħed għandu jixtarr anke fl-isfond ta’ dak li qed naraw iseħħ madwarna ta’ kuljum.

Jeħtieġ għalhekk li dawn l-appelli ma jaqgħux fuq widnejn ‘politiċi’ torox sabiex id-dinja tkun aħjar milli hi, aktar ħanina, l-aktar ma’ persuni b’diżabiltà, emarġinati, immigranti u dawk maħkuma mill-ġuħ.

Fi spazju ta’ 12-il sena, Papa Franġisku daħħal ukoll riformi li bihom immodernizza l-Knisja li wasslet biex jinġibdu aktar nies lejn ir-reliġjon Kattolika. Dan għamlu wkoll bis-sempliċità tiegħu li kienet riflessa wkoll fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu fejn stqarr li ried qabar sempliċi mingħajr ornamenti. L-umiltà tal-Papa Franġisku kienet kbira tant li kważi kważi warrab il-pariri mediċi li kellu biex jistrieħ iżda hu ried jibqa’ viċin tan-nies.

Intant, ilhom għal ġimgħat sħaħ jiġru xnigħat dwar min mill-Kardinali jista’ jkun is-suċċessur ta’ Papa Franġisku, fosthom kien issemma wkoll il-Kardinal Malti Mario Grech. Minkejja dawn ix-xnigħat, id-deċiżjoni aħħarija xorta se tibqa’ f’idejn il-Kardinali taħt it-tmenin sena, li huma eleġibbli biex jivvutaw. Naturalment f’okkażjonijiet bħal dawn mhix eskluża li jkun hemm xi sorpriża. Iżda, urridu nistennew u naraw. L-importanti hu li kemm għall-Knisja kif ukoll għall-kattoliċi madwar id-dinja, min jinħatar Papa jsegwi l-passi ta’ umiltà u mħabba li mexxa Papa Franġisku tul il-Pontifikat tiegħu. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport