trasformazzjoni ta’ ambjent”
– il-Kap Eżekuttiv tan-National Mental Health Services, Roseanne Camilleri
…żieda sinifikanti fil‑telefonati lill-Helpline 1579 — “żieda li ma tfissirx kriżi, iżda fiduċja”
Minn Victor Vella
Il‑Kap Eżekuttiv tan‑National Mental Health Services, Roseanne Camilleri, tkellmet magħna dwar sentejn ta’ riforma li laħqet il‑qalb tas‑servizz. Fuq kollox dwar xi tfisser iż-żieda fit-telefonati lil Helpline. X’qiegħed isir eżattament f’Monte Carmeli u dwar inizjattivi li bil-mod il-mod fihom il-pazjenti ma baqgħux parteċipanti imma saru protagonisti. Huma l‑artisti, il‑kreattivi, l‑organizzaturi, il‑preżentaturi. Il‑familji jarawhom f’dawl ġdid, u l‑komunità tifhem li l‑s-saħħa mentali mhix stigma, iżda parti naturali mill‑esperjenza umana.

‘Ħassejt li kien żmien li nsaħħu r-riforma’
Lil Rosianne Camilleri neħduha lura għal meta ħadet il‑kariga ta’ Kap Eżekuttiv tan‑NMHS f’Awwissu tas-sena 2024, u allura x’kien l‑impuls ewlieni li mexxiek lejn riforma daqshekk estensiva?
Il-Kap Eżekuttiv twieġeb bla tlaqlieq li “meta ħadt f’idejja t‑tmexxija tan‑NMHS, ħassejt li kien żmien li nsaħħu r‑riforma li ilha meħtieġa fis‑saħħa mentali, f’linja mal‑direzzjoni tal‑Ministeru għas‑Saħħa. Dak il‑mument ġab miegħu sens ta’ dmir u responsabbiltà li nimbotta ’lquddiem bidla konkreta, li ma tibqax fuq il‑karta iżda tidher fil‑faċilitajiet, fil‑proċessi, fil‑kultura u fil‑kwalità tal‑kura li noffru lill‑pazjenti tagħna. Illum, sentejn wara, nistgħu ngħidu li din ir‑riforma mhux biss bdiet, iżda qed tinħass b’mod konkret u viżibbli. Il‑bidla ma saritx b’passi żgħar, iżda b’passi kbar, konsistenti u bla waqfien, imsaħħaħ mill‑impenn ċar tal‑Deputat Prim Ministru u Ministru għas‑Saħħa, Dr Ian Borg.”
