Saturday, May 18, 2024

Mill-2018 sa Ottubru 2022 ġew irrapportati 7,532 każ ta’ vjolenza domestika

Aqra wkoll

Mis-sena 2018 sa Ottubru ta’ din is-sena ġew irraportati 7,532 każ ta’ vjolenza domestika. Dawn il-każi ġew irraportati kollha lill-pulizija f’diversi għases madwar il-pajjiż.

Fl-aħħar snin minkejja l-ħidma kbira li saret biex jikber l-għarfien dwar il-vjolenza domestika, xorta waħda għadhom qed iseħħu diversi każi.

Fatt interessanti li ħareġ fil-Parlament kien li s-sena li għaddiet ġew irraportati 1,741 li hu l-akbar numru ta’ rapporti li saru fl-aħħar snin.

Sa Ottubru ta’ din is-sena kien diġà saru aktar minn 1,400 rapport. Il-pulizija fl-aħħar snin ukoll waqqfu taqsima ġdida li fiha jiġu trattati l-każi ta’ vjolenza domestika.

Fl-aħħar jiem mart il-Prim Ministru Lydia Abela nedit kampanja “Il-Vjolenza hi Affari ta’ Kulħadd”, liema kampanja se ssir mal-Uffiċċju tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi ta’ Ġeneru u Vjolenza Domestika.

Waqt it-tnedija tal-kampanja ta’ 16-il jum ta’ attiviżmu b’kuxjenza dwar il-vjolenza domestika, mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela saħqet li l-vjolenza domestika tolqot persuni differenti u aċċennat li l-kuxjenza trid tkun hemm is-sena kollha.

Dr Abela kienet urreferiet għall-qtil li seħħ f’Raħal Ġdid ftit tal-jiem ilu u filwaqt li fissret li l-ebda kliem mhu ta’ konsolazzjoni għall-familja tal-vittma, illum aktar minn qatt qabel irridu nkunu b’vuċi waħda u b’messaġġ b’saħħtu li l-vjolenza domestika hi affari ta’ kulħadd.

Dr Lydia Abela waqt it-tnedija tal-kampanja kienet irrimarkat li f’suġġett sensittiv bħall-vjolenza domestika, tagħmel kemm tagħmel qatt mhu biżżejjed u sostniet kif b’mod kollettiv ma rridux inħallu persuni jbatu fis-silenzju u għalhekk jeħtieġ l-aqwa għajnuna possibbli.

Sport