Mill-inqas 52 inqatlu u aktar minn 80 oħrajn spiċċaw midrubin f’attakk terroristiku qrib moskea fil-Pakistan hekk kif kienet qiegħda ssir ċelebrazzjoni biex jitfakkar it-twelid tal-Profeta Muhammad.
Fuq il-post marru diversi ambulanzi li bdew jieħdu l-midrubin l-isptar, iżda minħabba li kien hemm wisq persuni feruti dawn bdew jittieħdu wkoll b’karozzi privati. Kelliem għall-Isptar qal li b’kollox iddaħlu 80 persuna u xi wħud minnhom jinsabu fil-periklu tal-mewt.
Il-kelliem qal li tobba fuq il-post qegħdin jiċċertifikaw persuni mejtin u jkollhom jitħallew hemm sakemm jingħataw il-kura dawk li għadhom ħajjin.
Il-Musulmani madwar id-dinja llum qegħdin ifakkru t-twelid tal-Profeta fejn isiru ċelebrazzjonijiet kbar l-aktar fil-pajjiżi Musulmani. Il-ġurnata tal-lum hija magħrufa bħala Mawlid an-Nabi fejn minbarra ċelebrazzjonijiet jitqassam ikel u xorb b’xejn lil dawk li jattendu.
Il-pulizija madwar id-dinja kienu konxji li din il-ġurnata tista’ tispiċċa fil-mira ta’ attakki terroristiċi u għalhekk f’diversi żoni fejn qed isiru ċ-ċelebrazzjonijiet hemm sigurtà stretta.