Friday, May 3, 2024

Ministri għas-saħħa minn stati żgħar jiltaqgħu f’Malta għal-laqgħa dwar l-użu tat-teknoloġija fis-saħħa

Aqra wkoll

Ministri għas-Saħħa mis-Seychelles, il-Bahamas, Barbados, Grenada, Montenegro u rappreżentanti ta’ Belize u tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa laqgħu l-istedina tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne għal-laqgħa dwar l-użu tat-teknoloġija fil-qasam tas-saħħa f’pajjiżi b’ popolazzjonijiet żgħar.

Il-Ministru Chris Fearne stqarr li bħala pajjiżi żgħar, irrispettivament mill-pożizzjoni ġeografika tagħhom, kollha jesperjenzaw sfidi komuni fil-qasam tas-saħħa u għalhekk ħeġġeġ it-twaqqif ta’ network internazzjonali tal-ministri għas-saħħa ta’ nazzjonijiet żgħar, li jista’ jkun appoġġjat mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa stess.

Huwa spjega li b’dan il-mod ikun hemm forum strutturat fejn pajjiżi żgħar minn madwar id-dinja jaqsmu l-aħjar prattiki tagħhom fil-qasam tas-saħħa u jitgħallmu minn xulxin. Dan filwaqt li tinħoloq l-opportunità li dawn il-pajjiżi jingħaqdu b’vuċi waħda sabiex javvanzaw il-politika tas-saħħa tagħhom, li jaf tkun differenti minn dik ta’ pajjiżi ikbar, waqt laqgħat internazzjonali.

Id-Deputat Prim Ministru appella wkoll biex il-pajjiżi, f’kollaborazzjoni mal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa, jaħdmu fuq sistema tat-teknoloġija komuni ta’ rekords elettroniċi tal-pazjenti, sabiex ikun possibbli li l-pazjenti jagħtu aċċess għall-informazzjoni tas-saħħa tagħhom lit-tobba irrispettivament mill-pajjiż fejn ikunu qed jaċċessaw il-kura.

Waqt din il-laqgħa l-Ministri għas-Saħħa ingħataw preżentazzjoni dwar l-użu tat-teknoloġija diġitali fis-sistema tas-saħħa Maltija, fejn kien spjegat kif l-użu ta’ servizzi bħal-electronic patient records, tat-telemedicine, remote patient monitoring u teknoloġiji oħra qegħdin jassistu lill-professjonisti tas-saħħa joffru servizz aħjar u iżjed effiċjenti lill-pazjenti.

Minbarra l-interventi tal-Ministri għas-Saħħa, intervjena wkoll b’mod virtwali d-Direttur Reġjonali Ewropew tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa Hans Kluge, li rringrazzja lil Malta tal-inizjattiva, filwaqt li elenka numru ta’ servizzi teknoloġiċi li l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa qiegħda tħeġġeġ lill-pajjiżi membri jimplimentaw għat-titjib globali tas-servizzi tas-saħħa.

Sport