Sunday, September 29, 2024

Minn għada stabbiltà fil-prezzijiet tal-ikel f’aktar minn 400 ħanut

Aqra wkoll

Minn għada madwar 450 prodott minn 15-il kategorija tal-ikel se jibda jkollhom il-prezz irħas u stabbli għax-xhur li ġejjin, sakemm titħabbar id-data tal-preżentazzjoni tal-Budget 2025. Dawn il-prodotti se jkunu jistgħu jinxtraw minn aktar minn 400 ħanut li qed jipparteċipa f’din l-inizjattiva.

Dan huwa ftehim storiku f’pajjiżna, fejn għall-ewwel darba l-Gvern, flimkien ma’ numru kbir ta’ importaturi ta’ prodotti tal-ikel u ħwienet li jbigħu dawn il-prodotti ngħaqdu flimkien biex pajjiżna jkollu stabbiltà fil-prezzijiet. Permezz ta’ dan il-ftehim il-prezz ta’ diversi prodotti tal-ikel se jkollhom ir-recommended retail price tagħhom (kif kien f’Ottubru 2023) imnaqqas bi 15%.

“Ma kienx pass faċli, wasalna wara sigħat, ġimgħat u xhur ta’ laqgħat mas-settur privat. U llum jien kburi li minn meta ħabbarna din l-inizjattiva fit-18 ta’ Jannar, il-ħwienet parteċipanti rdoppjaw. Dan juri kemm is-settur privat fehem l-importanza ta’ dan il-ftehim li minnu se jgawdi kulħadd, iżda fuq kollox il-konsumatur Malti u Għawdxi, il-familji tagħna,” qal il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri.

Il-Ministru Schembri esprima wkoll is-sodisfazzjon għall-ammont kbir ta’ ħwienet żgħar tal-merċa li wkoll ingħaqdu ma’ dan il-ftehim. Huwa fakkar li din hija biss waħda mill-miżuri li qed jieħu l-Gvern biex inaqqas l-impatt tal-inflazzjoni. “Wara s-sussidju fil-prezzijiet tal-enerġija, sussidju fuq ġwież u qamħ, żieda fil-Paga Minima Nazzjonali, żieda fil-pensjonijiet u fiċ-children’s allowance, mekkaniżmu addizzjonali għall-għoli tal-ħajja, għotjiet ta’ stimulu, kien wasal iż-żmien biex inkomplu nnaqqsu l-impatt tal-inflazzjoni b’miżura immirata fuq il-prezzijiet ta’ prodotti bażiċi tal-ikel,” spjega l-Ministru Silvio Schembri.

Mil-lum fuq is-sit https://stabbilta.gov.mt/product/ hemm il-lista bil-prodotti kollha mdaħħla f’din l-inizjattiva kif ukoll il-ħwienet kollha li qed jipparteċipaw imqassma bil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.

Sport