Friday, November 29, 2024

Il-Ministru Bonnici jżur l-aħħar preparamenti tal-Malta Eurovision Song Contest

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici żar il-preparamenti tal-Malta Eurovision Song Contest, li hu l-ikbar xow televiżiv f’Malta li jattira ħafna segwaċi.

Waqt din iż-żjara, il-Ministru Bonnici faħħar lit-tim organizzattiv għax-xogħol li wettqu bi preparazzjoni għal dan il-festival u saħaq li dan l-avveniment jiċċelebra mhux biss it-talent lokali iżda wkoll jipprovdi pjattaforma importanti ferm quddiem udjenza internazzjonali.

“Dan il-festival jiċċelebra l-ġmiel tat-talent lokali, mhux biss dak tal-kantanti li jesebixxu ruħhom bil-kanzunetti tagħhom, iżda wkoll l-artisti kollha involuti, fosthom l-awturi, kompożituri, disinjaturi, żeffiena, dawk involuti fil-bini tas-sett, u oħrajn li bil-ħidma tagħhom seta’ jkollna dan il-livell elevat ta’ kompetizzjoni,” qal il-Ministru Bonnici.

Huwa spjega li l-ħidma se tissokta biex il-festival ikompli jkun ta’ suċċess sena wara oħra u jibqa’ jkun appuntament annwali li l-familji Maltin u Għawdxin jistgħu jgawdu bla ħlas grazzi għall-istazzjon nazzjonali.

“Iktar importanti minn hekk irridu niżguraw li aktar kantanti Maltin ikollhom l-ispazju meħtieġ u jiksbu aktar opportunitajiet biex jimirħu fil-karrieri mużikali tagħhom b’mod iżjed professjonali u b’livell dejjem jikber, kif jixhed dan il-festival,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

L-istazzjon nazzjonali TVM, matul il-jiem tat-Tnejn u it-Tlieta, xandar programm speċjali kuljum wara l-aħbarijiet tat-8 pm li fihom ġew intervistati t-12-il finalist tal-MESC 2024 bil-għan li l-pubbliku jsir jaf aħjar lill-kantanti. It-tielet programm speċjali se jixxandar illum l-Erbgħa 31 ta’ Jannar.

Għall-ewwel darba fl-istorja tal-Eurovision Malti, il-Public Broadcasting Services (PBS) tat 12-il għotja ta’ €5,000, biex il-kantanti finalisti pproduċew music video għal kull kanzunetta finalista. Nhar il-Ħamis 1 ta’ Frar, se tittella’ serata fejn kull parteċipant se jkun qed jippreżenta l-interpretazzjoni tal-kanzunetta permezz ta’ video mużikali. Il-pubbliku se jkun jista’ jivvota biex flimkien mal-ġurija jingħażel l-aħjar video mużikali.

Il-Ġimgħa 2 ta’ Frar imbagħad se ssir serata speċjali mal-kantanti kollha fi vjaġġ ta’ nostalġija mid-dinja tal-Eurovision sakemm l-għada s-Sibt 3 ta’ Frar issir is-serata finali tal-MESC 2024.

Is-serata tiftaħ bil-wasla tal-kantanti fl-istudios ta’ Television House minn fejn se jkun qed jittella’ l-ispettaklu televiżiv ta’ din is-sena. Wara li kull parteċipant jagħti l-interpretazzjoni tiegħu, issir l-għażla permezz tal-ġurija u l-vot tal-pubbliku biex tiġi magħżula l-kanzunetta li se tirrapreżenta lil Malta f’Malmo l-Isvezja f’Mejju li ġej.

Matul iż-żjara l-Ministru Bonnici kien akkumpanjat miċ-Chairman Eżekuttiv Mark Sammut.

Sport