Sunday, December 22, 2024

Minn tifla grazzjuża spiċċat meqjusa bħala waħda li taqla’ l-problemi

... Bint minuri ordnata tibqa’ tgħix mal-missier

Aqra wkoll

F’kawża li missier fetaħ quddiem il-Qorti tal-Familja, ingħata d-dritt li bintu minuri tibqa’ tgħix miegħu b’aċċess li għandu jkollha l-omm, iżda xorta waħda l-Qorti qalet li l-kura u kustodja għandha tkun konġunta.

Fis-sentenza tagħha, l-Imħallef Jacqueline Padovani Grima qalet li waqt dawn il-proċeduri ħareġ ċar li meta t-tifla kienet tgħix ma’ ommha hija kien ikollha taqsam il-ħin ma’ ommha, ħutha, mal-partners t’ommha u mat-tfal tal-partners t’ommha.

Il-Qorti nnutat li minħabba l-pika tal-ġenituri t-tifla qatt ma kellha residenza fissa u dan ma kienx ta’ ġid għal istess tifla. It-tifla meta kienet għadha kemm bdiet l-iskola primarja kienet tqum u torqod għand l-omm, iżda wara l-iskola kienet tmur għand in-nanna fejn tiekol, tagħmel il-homework, tinħasel u anke minn hemm tattendi diversi attivitajiet fosthom id-duttrina.

Dan kien qiegħed iseħħ wara digriet li kien ħareġ fi Frar tal-2018 u konsegwenza ta’ dan il-missier beda jiġi mċaħħad minn bintu. Mill-provi mressqa l-missier ma kienx qiegħed jingħata aċċess tal-minuri għal sena u xahar. 

L-Imħallef Padovani Grima fis-sentenza tagħha qalet li minn dak li ġie ppreżentat quddiemha ħareġ ċar li t-tifla “grazzjuża, tifla li kienet tipprometti kemm fl-iskola u anke fl-attivitajiet diversi, trasformat ruħha f’adoloxxenti li qiegħda tfalli l-eżamijiet tal-iskola … tinsab fl-aktar klassi batuta u qiegħda toħloq inkwiet sħiħ l-iskola saħansitra tkeċċiet mill-istess skola.”

Il-Qorti qalet li mix-xhieda li dehru quddiemha anke minn rappreżentati tal-iskola ħareġ ċar li t-tifla kienet trid tħallasha biex tkellmek, iżda spiċċat tiġġieled u ġiet meqjusa bħala boruża mill-għalliema u l-guidance teachers taghha. 

Il-minuri ġiet xprunata mis-sitwazzjoni familjari, “sitwazzjoni mimlija ansjetà fejn il-partijiet flok għarf li din is-sitwazzjoni qed toħloq ansjetà u biża’ konsiderevoli fil-minuri u raw lil binthom tinbidel quddiem għajnejhom, ippreferew li jibqgħu jilletikaw quddiem il-Qorti forsi fl-aħħar xi ħadd minnhom jingħata xi forma ta’ raġun.” Il-Qorti tal-Familja qalet li mhix qiegħda hemm biex iċċanfar lil xi ġenitur, iżda biex tassigura li l-minuri tkun sigura.

Il-minuri xehdet ukoll f’dawn il-proċeduri u l-qorti ordnat li hija għandha bżonn terapija biex bl-għajnuna ta’ persuni professjonisti hija tingħata l-għajnuna wara dak li għaddiet minnu fi tfulitha. 

Sadanittant, fix-xhieda tiegħu, il-missier qal li hu kien iltaqa’ ma’ omm it-tifla fl-2008 u wara ftit kienu ddeċidew li jmorru jgħixu flimkien. Minn din ir-relazzjoni kellha tifla u skont il-missier wara li twieldet it-tifla mill-ewwel bdew il-problemi fosthom negliġenza min-naħa tal-omm.

Jixhed li l-omm kienet taħsel lit-tifla tard bil-lejl u dwar dan kien joġġezzjona bil-qawwa. Jirriżulta li kien hemm diversi nuqqasijiet min-naħa tal-omm dwar kif titratta lil bintha. Wara li l-omm bdiet tinsinwa li l-missier kellu relazzjoni ma’ mara oħra, hu ddeċieda li jmur jgħix f’residenza oħra u ħa lit-tifla miegħu. Meta telaq mid-dar it-tifla kellha biss għaxar xhur.

Dak iż-żmien l-omm kienet qablet li fl-aħjar interess tal-minuri, binthom tmur tgħix mal-missier l-aktar minħabba li hi kellha tifel minn relazzjoni oħra li kellu l-awtiżmu u kien qiegħed ikun ħafna aggressiv.

Aktar ma bdiet tikber it-tifla, b’digriet tal-Qorti kien ġie deċiż li binthom terġa’ tmur lura mal-omm. Meta l-minuri bdiet l-iskola primarja, l-omm mill-ewwel bdiet tfallilha minħabba diversi skużi. 

Kien sar arranġament biex it-tifla tibda inġabar mit-trasport tal-iskola, iżda hawn ukoll l-omm kienet toħroġ lit-tifla tard. Meta tat-trasport tal-iskola informa lill-ġenituri li kien se jibda jiġbor lit-tifla mill-kantuniera tat-triq, hi kienet tibgħata weħida minkejja li għad kellha biss ħames snin.

Minn hawn, il-missier kien qabbad lil oħtu biex tibda tgħin ftit lit-tifla l-aktar fl-iskola u dan kien hemm qbil mal-omm dwar dan. Jirriżulta li t-tifla meta kellha 13-il sena bdiet titkellem ma’ diversi adulti fuq il-midja soċjali u fil-fatt il-missier kien għamel anke rapport għand il-pulizija dwar dan. Żied jixhed li kien hemm tħassib kbir dwar l-imġiebha ta’ bintu hekk kif bdiet itella ħafna ritratti b’ilbies provokanti fuq il-midja soċjali.

Minħabba dawn ir-raġunijiet u aktar il-Qorti qalet li l-aħjar interess tal-minuri jkun li tkun tgħix mal-missier, iżda jkun hemm aċċess iffissat mill-istess Qorti favur l-omm. Il-Qorti qalet li minkejja li xorta qiegħda tħalli kura u kustodja konġunta, deċiżjonijiet dwar l-edukazzjoni u s-saħħa tal-minuri għandhom jittieħdu biss mill-missier u dan mingħajr il-firma tal-omm.

Ekonomija

Sport