Fil-Qorti lbieraħ l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, il-Korp tal-Pulizija u l-Bord tal-Accountants kollha kkonfermaw li Miroslava Milenovic qatt ma kellha warrant biex taħdem bħala accountant f’Malta. Milenovic kienet inħatret bħala accountant forensiku fl-inkjesta Vitals mill-Maġistrat Gabriella Vella.
Quddiem il-Maġistrat Franco Agius bdiet tinstema talba tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat sabiex tkun riveduta deċiżjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija li ma jipproċedix kontra Milenovic, li eżerċitat il-professjoni tagħha ta’ accountant f’pajjiżna, meta ma kellhiex warrant.
Fil-bidu tas-seduta, il-Pulizija talbu sabiex il-proċeduri jinstemgħu fil-magħluq. L-Avukat Vince Galea, f’isem Dr Muscat oggezzjona u rrimarka li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed jgħid li dan huwa każ tal-pulizija waqt li l-pulizija qed jgħidu li dan huwa każ tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Żied jghid ukoll li qed isir minn kollox biex dan il-każ jittawwal sabiex jiġi preskritt. Il-Qorti ma laqgħetx it-talba tal-Pulizija.
Fix-xhieda tiegħu, l-Avukat Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Generali qal li originarjament il-Prim Imħallef ma kienx ta l-awtorizzazzjoni tiegħu li dwar dan il-każ tkun mitkellma l-Maġistrat Gabriella Vella. Eventwalment iżda kuntatt sar. L-Avukat Valletta qal li waqt li huwa ra dokumentazzjoni dwar dan il-każ, talab li ċ-ċertifikati li ppreżentat l-esperta jiġu awtentikati. Meta mistoqsi mill-Avukat Galea jekk rax il-warrant ta’ accountant ta’ Milenovic, huwa wiegeb fin-negattiv, iżda xorta qal li qabel li ma kien hemm ebda evidenza biex jinbdew proċeduri kriminali kontra tagħha.
Min-naħa tiegħu, l-iSpettur Joe Mercieca qal li huwa ried isir jaf kif Milenovic tfaċċat fix-xena u tkellem ma’ kollegi tiegħu dwarha fil-Korp tal-Pulizija. Ikkonferma li waqt li l-kwerela kontra Milenovic mill-eks Prim Ministru saret f’Novembru 2024, il-Maġistrat Gabriela Vella li ħatret lil Milenovic bħala esperta fl-inkjesta Vitals, ġiet mitkellma biss f’Jannar ta’ din is-sena.
L-iSpettur Mercieca qal li huwa tkellem ukoll mal-Board tal-Accountants li min-naħa tagħhom ikkonfermaw li sabiex taħdem bħala accountant f’Malta, ikun hemm bżonn ta’ warrant. L-istess Board informa lill-Pulizija li Milenovic ma kellix warrant biex topera bħala accountant f’Malta. Dwar il-punt li ma nbdewx proċeduri kontra Milenovic, qal li waqt li għal accountant hemm bżonn ta’ warrant, skont il-konklużjoni tiegħu ghal forensic accountant ma hemmx. L-Avukat Galea rrimarka li biex issir tabib forensiku, l-ewwel trid tkun sirt tabib u allura dan ir-raġunament tal-iSpettur ma jagħmilx sens.
Għal mistoqsijiet tal-Avukat Galea, l-iSpettur qal li l-Korp tal-Pulizija qagħad fuq is-CV ta’ Milenovic, li ngħata lilhom mill-avukat tagħha Peter Fenech. Waqt li l-avukat Galea rrimarka li Milenovic kisret il-liġi għaliex ħadmet f’Malta mingħajr warrant, l-iSpettur Mercieca qal li huwa qatt ma investiga l-kredenzjali tagħha. Żied li l-Korp tal-Pulizija kien irċieva mis-Serbja, il-liċenzja ta’ accountant ta’ Milenovic li kienet tkopri sa tmiem l-2017.
Waqt li ġibed l-attenzjoni li Milenovic inħatret bħala espert sentejn wara fl-2019, l-Avukat Galea staqsa jekk il-Pulizija għamlux kuntatt mal-Malta Qualifications Council biex jivverifikaw l-validita tal-kwalifiki ta’ Milenovic f’pajjiz tal-UE. L-iSpettur wiegeb fin-negattiv u qal li huwa ma jafx jekk il-kwalifiċi li Milenovic qalet li għandha, humiex tajbin jew le biex taħdem f’Malta. Saħaq li dwar il-kompetenzi ta’ Milenovic irid jara min ħatarha bhala espert.
Mistoqsi mill-avukat Galea, l-iSpettur qal li fl-investigazzjoni, il-Korp kellu kuntatt ma’ Milenovic bl-emails. L-ewwel kuntatt sar magħha, iżda minn hemm ‘il quddiem hija talbet biex ma jsirx kuntatt dirett maghha, iżda permezz tal-Avukat tagħha Peter Fenech.
Is-Segretarju tal-Board tal-Accountants, Joseph Schembri Kamm min-naħa tiegħu xehed li Milenovic qatt ma kellha warrant ta’ accountant f’Malta u qatt ma appikat biex tingħata warrant.



