Sunday, November 24, 2024

Mixli li ħebb għall-eks sieħba waqt li ltaqa’ magħha biex itiha xi flus

Aqra wkoll

Raġel ta’ 52 sena minn Ħal Kirkop, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti inżamm arrestat, wara li tressaq il-Qorti, mixli ħebb għall-eks sieħba u kkaġunala ġrieħi ta’ natura gravi.

Fl-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Christian Cauchi spjegat kif ilbieraħ il-Pulizija kellha teskorta persuna mill-klinika tal-Furjana. Dan hekk kif il-vittma, li tiġi l-eks sieħba tal-akkużat kienet qegħda hemm għall-osservazzjoni wara li allegatament ħebb għaliha l-akkużat.

Mal-Pulizija, il-vittma qalet li hi u l-akkużat kienu f’relazzjoni għal disa’ snin. Hija qalet li f’Jannar li għadda hi u l-akkużat temmew ir-relazzjoni tagħhom u li dakinhar tal-allegat reat ltaqgħet mal-akkużat wara li kellu jtiha xi flus.

Spjegat kif fuq il-post l-akkużat beda jgħidilha biex titla’ fit-trakk miegħu u meta rrifjutat, niżel, ħareġ sikkina u laqatha f’idejha. Meta l-pulizija arrestat lill-akkużat, huwa beda jibki u qal li ddispjaċih għal li kien għamel.

Huwa ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih, bid-difiża titlob il-ħelsien mill-arrest bir-raġuni li l-akkużat għandu problemi psikjatriċi u jeħtieġ l-għajnuna fl-isptar Monte Carmeli. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat t-talba għall-ħelsien mill-arrest u qalet li l-vittma għad trid tixhed u għaldaqstant hemm il-biża’ ta’ intralċ ta’ provi.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u qalet li l-akkużat ser jinżamm fit-taqsima forensika f’Monte Carmeli minħabba li jeħtieġ il-kura għas-saħħa mentali tiegħu.

Għall-akkużat dehru l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri.

Sport