Żvediż ta’ 28 sena nżamm arrestat wara li ġie mixli li pprova jifga lis-sieħba tiegħu u heddidha li se joqtol il-qtates tagħha. L-imputat, li fil-Qorti qal li qed jiġġieled il-vizzju tal-logħob li għandu, kien mixli li żamm lis-sieħba kontra l-volontà tagħha, ikkawżalha ġrieħi ħfief u li kiser il-paċi pubblika.
Fil-Qorti nstema’ kif l-inċident seħħ is-Sibt filgħaxija waqt li l-koppja kienu qed jaraw it-televiżjoni u jixorbu l-alkoħol fid-dar ta’ xi ħbieb. L-imputat allegatament ħa l-mobile tas-sieħba u f’daqqa waħda sar aggressiv meta sar jaf li kienet qiegħda titkellem ma’ rġiel oħra.
“Xi ġirien kienu ċemplu lill-pulizija filwaqt li sħabhom ipprovaw jikkalmaw ill-imputat,” kompliet tispjega l-Ispettur Sherona Buhagiar li mexxiet il-Prosekuzzjoni.
Wara dan l-inċident, huwa rritorna lura lejn id-dar. Fl-istess lejl, meta l-mara marret torqod fir-residenza tagħhom, l-imputat allegatament ipprova jifgagħha. Kien għall-ħabta tas-7.00 a.m. meta l-allegata vittma kitbet messaġġ fuq Facebook lill-pulizija fejn talbet għall-għajnuna.
Xi minuti wara reġgħet bagħtitilhom messaġġ ieħor u infurmathom li kienet tinsab l-isptar. Il-mara kienet allegat mal-pulizija li din kienet l-10 darba li l-imputat kien għamlilha hekk. Il-Pulizija osservaw ukoll li kien hemm xi marki fuq għonq il-mara, li kienu rriżultaw mill-attakk.
L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi iżda baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara li kellu t-talba għall-ħelsien mill-arrest miċħuda mill-Qorti.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Manuel Grech u Etienne Savona flimkien mal-Ispettur Sherona Buhagiar. L-Avukati Franco Debono u Adriana Zammit dehru għar-raġel.