Tuesday, April 16, 2024

Mixli li seraq mid-dar ta’ oħt il-mara waqt it-tieġ ta’ ibnu

Aqra wkoll

Emanuel Barbara ta’ 52 sena minn Raħal Ġdid inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li seraq mid-dar ta’ oħt il-mara waqt it-tieġ ta’ ibnu. 

Il-każ seħħ nhar it-28 ta’ Awwissu, għall-ħabta ta’ bejn is-6.45 p.m. u d-9.30 p.m., minn ġewwa residenza f’Raħal Ġdid. 

Minbarra l-akkuża ta’ serq, Barbara ġie mixli wkoll li kiser il-libertà proviżorja u ordni ta’ probation kif ukoll li sar reċediv. 

Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea fejn wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrieh u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba minħabba biża’ ta’ intralċ ta’ provi u minħabba li jidher li mhuwiex bniedem affidabbli. 

Fil-Qorti ntqal li oħt il-mara tal-imputat kienet iżżomm magħha lil iben l-imputat. Żied jingħad li waqt iċ-ċerimonja taż-żwieġ ta’ ibnu, l-imputat allegatament daħal jisraq fir-residenza tagħha. Għal xi raġuni, ir-raġel ma kienx preżenti għat-tieġ ta’ ibnu. 

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li għad fadal diversi xhieda li għad iridu jixhdu u l-biża’ ta’ intralċ ta’ provi.  

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sarah K. Zerafa. L-Avukat Joe Brincat deher għal Barbara.

Ekonomija

Sport