Sunday, October 27, 2024

Mixli li ta n-nar karozza f’Bormla u telaq minn fuq il-post b’taxi

Aqra wkoll

Il-Qorti semgħet kif raġel suspettat li ta n-nar lil karozza f’Bormla kien mar u telaq minn fuq il-post fejn seħħ ir-reat permezz ta’ taxi. 

Joshua Gatt ta’ 35 sena minn Ħal Tarxien tressaq fil-Qorti mixli li wettaq dan ir-reat nhar it-28 t’Awwissu li għadda, għall-ħabta tat-3.00 a.m. fi Triq San Ġwann. 

Filmati tas-CCTV minn fuq il-post urew lis-suspettat ixerred likwidu fuq il-vettura li mbagħad spiċċat ballun nar. Wara, ir-raġel jidher jitlaq minn fuq il-post, b’żewġ vetturi oħra li kienu pparkjati viċin ukoll iġarrbu xi ħsarat.  

Minn aktar investigazzjonijiet, irriżulta li s-suspettat kien wasal fuq il-post b’karozza tat-tip Peugeot u telaq minn hemm f’karozza oħra. 

Meta mxew mat-teorija li dawn il-vetturi kienu taxis, il-pulizija ntraċċaw żewġ bookings li kienu saru dakinhar, bil-ħin u l-post ta’ fejn seħħ il-każ. 

L-Uffiċjal Prosekutur, l-Ispettur Jeffrey Scicluna Briffa, spjega fil-Qorti kif iż-żewġ bookings kienu saru mill-kont ta’ Gatt. Filmati oħra viċin ir-residenza tal-imputat ukoll komplew jikkonfermaw is-suspetti tal-pulizija. 

Sussegwentement, Gatt kien arrestat u tressaq fil-Qorti mixli li ta n-nar lil karozza, li għamel ħsara fil-proprjetà ta’ terzi u ħsara involontarja fuq żewġ karozzi oħra u li kiser il-paċi pubblika. 

Fil-Qorti saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu, li ġiet oġġezzjonata mil-Prosekuzzjoni minħabba l-gravità tal-akkużi u l-fatt li għad baqa’ xhieda pajżana li għad iridu jixhdu f’dawn il-proċeduri. 

Barra minn hekk, intqal li l-imputat għandu problema tad-droga u kellu diversi kundanni oħra dwar serq fil-passat. Dan filwaqt li hemm persuni oħra li jista’ jkun kienu involuti wkoll f’dan il-każ.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello poġġiet lill-imputat taħt ordni ta’ superviżjoni temporanja, wara li qalet li kien fl-aħjar interess tiegħu li jkun segwit minn uffiċjal tal-probation.

Madanakollu, minħabba n-natura serja tal-akkużi, id-dipendenza tal-imputat fuq id-droga u n-nuqqas ta’ affidabbiltà tiegħu, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Għaldaqstant huwa baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Proseuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Joseph Camilleri Azarov mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Jeffrey Scicluna Briffa, Mario Xiberras u Antonello Magri. L-Avukat Roberto Spiteri deher għal Gatt.

Sport