Sunday, April 26, 2026

Mixlija li ffrodat anzjan madwar €30,000

Aqra wkoll

Mara tressqet fil-Qorti ta’ Għawdex fejn ġiet mixlija li matul ix-xhur li għaddew iffrodat anzjan madwar €30,000 wara li saru ħbieb fuq il-post tax-xogħol.

Pauline Pisani ta’ 41 sena minn tal-Pietà, iżda residenti l-Qala Għawdex, wieġbet mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha.

L-Ispettur Keith Xerri li mexxa l-Prosekuzzjoni spjega quddiem il-Maġistrat Monica Vella li anzjan kien mar l-Għassa tar-Rabat Għawdex fejn għamel rapport li l-imputata allegatament kienet iffrodatu.

Fir-rapport, l-anzjan qal li kien f’Novembru tal-2025 meta l-imputata kienet għamlet ħbieb miegħu fuq il-post tax-xogħol hekk kif hu jaħdem bħala membru tas-sigurtà u hi kienet taħdem bħala fattiga.

Fil-Qorti ġie spjegat li l-imputata kienet talbet xi flus lill-vittma bil-wegħda li se terġa’ trodd lura l-flus b’mod immedjat. Iżda minn dakinhar ‘il quddiem, l-Ispettur Xerri qal li hija baqgħet titolbu aktar flus.

Meta l-ammont ta’ flus beda jikber, l-anzjan talabha biex tħallsu lura, iżda l-imputata qaltlu li biex tħallsu kellu jsellifha aktar flus biex tkun tista’ tħallas proċeduri li fihom hi kellha tiret ammont ta’ flus. 

L-Ispettur Xerri kompla jispjega fil-Qorti li wara li tkellem mal-anzjan, intalab mandat ta’ arrest fil-konfront ta’ Pisani fejn din ġiet arrestata. Waqt li kienet qiegħda tiġi interrogata u kienet se titressaq il-Qorti, hija lmentat li kellha bżonn tmur l-isptar minħabba kundizzjoni medika li għandha.

L-Ispettur żied jgħid li hekk kif l-imputata ddaħħlet l-isptar, it-tobba kienet se jżommuha u jagħmlulha intervent. Minħabba li kienet l-isptar, l-Ispettur qal li kienet ingħatat police bail u kienet mitluba tmur l-għassa f’ġurnata f’April.

Ġara li l-pulizija ġew informati mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li l-imputata kienet iffirmat u telqet mill-Isptar mingħajr ma għamlet l-intervent mediku. Hija allegatament telqet mill-isptar kontra l-parir tat-tobba.

Meta waslet il-ġurnata biex terġa’ tmur l-għassa, hija reġgħet daħlet l-isptar minħabba l-istess kundizzjoni medika u għalhekk ma marritx l-għassa skont dak miftihem mal-ispettur.

Wara, il-pulizija reġgħu ġew informati li Pisani mill-ġdid kienet iffirmat u telqet mill-isptar. Kien hawn li l-Ispettur Xerri qal li kien ordna l-arrest tagħha b’mod immedjat biex b’hekk titressaq il-Qorti. Fil-fatt hija tressqet quddiem il-ġustizzja fl-istess ġurnata li ġiet arrestata.

Wara li wieġeb mhux ħatja tal-akkużi, l-Avukat tal-Għajnuna Legali Dr Nadine Stivala għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputata.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa għal dan minħabba diversi raġunijiet fosthom li ma kinitx obdiet ordnijiet tal-pulizija, li kellha kondotta “voluminuża” u anke l-allegat vittma għad irid jixhed f’dawn il-proċeduri. L-Ispettur Xerri qal li l-imputata qatt ma tista’ tkun afdata bil-ħelsien mill-arrest minħabba wkoll li kien diffiċli għal pulizija li jarrestawha.

Il-Maġistrat Vella wara li semgħet liż-żewġ naħat ordnat li l-imputata tibqa’ tinżamm arrestata fil-Faċilità Korettiva ta’ Kordin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport