Sunday, April 26, 2026

Bieb miftuħ mill-PN għal Edwin Vassallo – Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista 

Charles Bonello f’intervista ma’ IT-TORĊA

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-eks Segretarju Parlamentari, Edwin Vassallo, li kollox jindika li dan l-aħħar reġa’ resaq sew lejn il-Partit Nazzjonalista, regolarment jagħmel dikjarazzjonijiet kontroversjali. Spiss dikjarazzjonijiet kontra l-ammont ta’ barranin li hawn f’pajjiżna. 

Jispikka kumment li għamel fl-aħħar sigħat – “jekk tibqa’ tikber l-overpopulation, Malta mhux se tibqa’ tal-Maltin. Kollox mitluf”. Ma’ dawn hemm dikjarazzjonijiet kontra ġurnalisti fosthom li l-midja mixtrija.Quddiem dan, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Charles Bonello joqgħod lura milli jagħlaq il-bieb lil Edwin Vassallo minn fuq il-kandidatura tal-Partit Nazzjonalista. 

Mistoqsi jekk Edwin Vassallo hux se jkun fuq il-kandidatura tal-Partit Nazzjonalista, Charles Bonello qalilna li  “l-proċess tal-kandidatura hu miftuħ. La nikkonferma u lanqas neskludi xejn.”Nistaqsuh dwar il-fatt li qegħdin f’kampanja elettorali mhux uffiċjali, bil-kandidati għaddejjin b’ħidma kbira. Nistaqsuh dwar il-fatt li minkejja dan il-PN għadu għaddej japprova l-kandidati u dan iqajjem il-mistoqsija jekk hemme xi kandidatur li qegħdin itawlu jew joħolqu dewmien fil-proċess.

Charles Bonello jgħidilna li “l-kandidati hu proċess li l-aħħar wieħed li jingħalaq għax kull partit politiku, jibqa’ għaddej jfittex kandidati sa l-aħħar mument qabel jagħlqu n-nominazzjonijiet. Allura dak hu proċess li jagħlaq waqt il-kampanja elettorali, allura kull partit politiku ikun ilu jaħdem biex isib, jikkonferma u jħajjar kandidati ġodda, u jikkonferma id-deputati biex jerġgħu jikkonstestaw”.

“Jaraw min se jikkontesta u min le u flimkien ma’ kandidati ġodda il-proċess jibqa’ għaddej sakemm jingħalqu n-nominazzjonijeit. Dik hi r-realtà. Naħseb li l-Partit Nazzjonalista għaddej fi proċess fi stadju tajjeb ħafna u allura nibqgħu għaddejjin iffukati li nfittxu aktar kandidati ta’ kwalità li jkunu ta’ servizz għall-Parlament u fuq kollox għall-poplu Malti.”

Franco Debono se jkun fuq il-lista tal-kandidati?

Nistaqsuh jekk Franco Debono, hux se jkun fuq il-lista tal-kandidati u jgħidilna li “l-proċess hu miftuħ u jagħlaq fil-mument li jkunu se jagħlqu n-nominazjonijiet mill-Kummissjoni Elettorali”.

Manifest lest jew għadu qed jinħadem? …fi stadju avvanzat

Mistoqsi dwar jekk il-manifest elettorali hux lest, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista jgħidilna li “wasalna fi stadju avvanzat ħafna ħafna. Hu proċess. Inbena fuq numru ta’ snin u xhur u mhux kwistjoni li nagħmlu xi konferenza, xi kungress u wara ngħidu li għamilnieh. Ħdimna fuqu fl-aħħar xhur u snin u qegħdin fi stadju avvanzat. Qegħdin nijkkonkludu l-proposti kollha. Ġbarna  l-proposti kollha biex issa noħorġu l-verzjoni finali tal-manifest elettorali”

Jinkwetawh id-deputati li mhux se jerġgħu jikkontestaw? … “ix-xewqa tiegħi hi li jerġgħu jikkontestaw”

Nistaqsuh jekk jinkwetahx il-fatt li hemm deputati stabbiliti li għażlu li fl-elezzjoni li ġejja ma jikkontestawx, fosthom Ivan Bartolo, Robert Cutajar, Ryan Callus, Chris Said, Claudette Buttiegieg.

Charles Bonello iwieġeb li “x-xewqa tiegħi li jerġgħu jikkontestaw. Però dak hu l-proċess naturali ta’ kull ċiklu tal-ħajja. L-ismijiet kollha li semmejt għamlu numru ta’ snin bħala deputati fil-Parlament. Idddeċidew li ma jerġgħux jikkontestaw u din hi xi ħaġa li jgħaddi minnha kull partit. Kull elezzjoni jkun hemm deputati miż-żewġ naħat li ma jerġgħux jikkontestaw għal diversi raġunijiet…għax ikunu kibru, inbidlulhom iċ-ċirkostanzi fil-ħajja jew għax ikunu jridu jagħmlu spazju għal xi ħadd ieħor”.

“Hi parti minn ċiklu tal-ħajja politika li bħal kull ħaġa oħra għandek il-bidu u għandek it-tmiem.  Jien naħseb li dak hu parti mill-proċess elettorali. Tul is-snin kif dejjem ġara, ikun hemm deputati li jiddeċiedu li s-servizz tagħhom tawh  u aħna bħala partit irridu nirrispettaw dik id-deċiżjoni”.

“Qegħdin naraw li d-deputati kollha li ddikjaraw li mhux se jerġgħu jikkontestaw mhux biss wegħdu l-kontribut tagħhom imma qegħdin naraw fil-prattika li għadhom sa llum jagħtu l-kontribut tagħhom fil-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni u m’għandix dubju li se jkomplu anke wara”.

“Jien irrid  nirringrazzjoahom tas-servizz li taw lejn il-pajjiż u lejn il-partit. Deputati validi li taw kontribut u xi wħud servizz f’diversi karigi. Nemmen li l-kontribut tagħhom kien ta’ valur kbir u f’isem il-Partit Nazzjonalista nirringrazzjhaom minn qalbi u nawguralhom li jkomplu jkunu ta’ servizz għall-partit u l-pajjiż.”

Jista’ jkun li ma kkontestawx għax diżillużi? … “neskludiha u assolutament li le”

Stawsejnieh jekk jaħsibz li dawn mhux se jerġgħu jikkontestaw għax diżillużi, u għal dan Charles Bonello iwieġeb li “neskludiha u assolutament li le. Nerfa’ responsabbilità illi d-deċiżjoni tagħhom ma tteħdux żgur fuq dik il-bażi li qiegħed issemmi int.”

Edwin Vassallo mhux deputat tal-PN u lanqas uffiċjal… fuq li jikteb staqsi lilu

Nistaqsuh fuq il-fatt li hemm eks kandidati Nazzjonalisti li reġgħu resqu lejn il-PN minkejja messaġġi estremi. Fosthom Edwin Vassallo, li joħroġ b’dikjarazzjonijiet bħal li l-Malti jeħtieġ isir prijorità  f’pajjiżu. Malta tkun aqwa jekk terga’ tkun Malta tal-Maltin, fejn il-Malti ma jkunx minoranza f’pajjiżu.  kumment ieħor li kiteb kien jgħid il-Maltin nitolbu għas-sigurtà ta’ toroq tagħna, għadna nimxu bla biża mill-barranin.

Nistaqsuh jekk dawn it tip ta’ messaġġi kontra l-barranin humiex approvati mill-PN? Nistaqsuh jekk jaqblux ma din ir-retorika ta’ Vassallo.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista iwieġeb li “Edwin Vassallo mhux deputat tal-Partit Nazzjonalista u mhux uffiċjal. Għandu kull dritt li jesprimi ruħu kif iħoss għax finalment suppost f’dan il-pajjiż għandna l-valur tal-libertà tal-espressjoni u jkun responsabbli għal dak li jgħid u għal dak li jgħid staqsu lilu mhux lili.”

La jikkonferma u lanqas jiċħad jekk Edwin Vassallo hux se jkun fuq il-kandidatura tal-PN

Mistoqsi jekk Edwin Vassallo hux se jkun fuq il-kandidatura tal-PN, Charles Bonello qalilna li  “l-proċess tal-kandidatura hu miftuħ. La nikkonferma u lanqas neskludi xejn.”

Is-surveys… x’qed jiġri?… mhux ikun  hemm bidla fl-appoġġ għal Alex Borg

Ngħidulu li hu fatt li meta f’Settembru li għadda laħaq Kap Alex Borg, deher li kien hemm enerġija ġdida. Dehret li hi opportunità biex il-Partit ibiddel ir-rotta. Illum imma qegħdin naraw surveys li fihom mhux ikun hemm bidla f’dak li hu appoġġ għall-PN. Tinkwetak din? X’qed jiġri?

Għal din id-domanda is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista jgħidilna li “infakkrek li aħna Alex Borg ilu minn Settembru li għadda, sitt xhur. Infakkar li l-mixja tagħna mill-aħħar elezzjoni sa llum bdejna b’distakk ta’ 39,000 vot. L-aħħar stħarriġ wera distrakk ta’ 19,000 vot.

Diġa imxejna nofs it-triq. Taf bħali li joħorġu diversi surveys minn kwartieri differenti b’numri differenti. Mhux se ngħidlek li surveys nwarrbuhom fil-ġenb jew dawk b’numri mhux feliċi ma nagħtux kashom u meta jkunu b’numri tajbin nagħtu kashom. Aħna nagħtu każ kollox. Nisimgħu nifhmu, nirriflettu u naraw l-metodoliġiji kif ikunu waslu għal dawn in-numri.

Il-Partit Nazzjonalista bedą it-triq b’40,000 vot inqas u hemmhekk għamilna progress.  Nifhmu li s-surveys qegħdin juru numri differenti. 7,000, 9,000, 19,000, 25,000 vot f’distakk.. Però aħna ma niskartaw xejn.  Naraw nosservaw nisimgħu kollox u naraw x’nistgħu nagħmlu aħjar. Hu evidenti li l-PN,  anke f’dawn il-ġimgħat li ġejjin fadallu aktar x’jaħdem.

Iffukati mhux fuq in-numri tas-surveys, imma. ffukati fuq il-ħidma tagħna bħala partit bil-messaġġ tagħna, bil-proposti li se noħorġu u bil-kandidati li se nippreżentaw.  Mhux se nikkummenta x’naħseb jien fuq in-numri. Kulħadd hemm barra għandu l-fil tan-nies u kulħadd iħoss il-polz tal-poplu. Kulħadd jagħmel l-ġħazliet u l-ġudizzji tiegħu, jiġġustifika tiegħu jekk in-numri humiex 19, 7 jew 25. Il-fil hemm barra jinħass. Bħala Partit Nazzjonalista irridu naħdmu aktar. M’għandniex il-magna tal-poter u m’għandniex il-faċilità li għandu l-gvern.”

“Ebda bidla għax m’hemmx strateġija? 

Mistoqsi jekk jistax ikun li dan qed iseħħ għax hemm nuqqas ta’ strateġija konkreta, Charles Bonello iwieġeb li “ma naħsibx. Aħna anke f’dawn l-aħħar sitt xhur, l-istrateġija inbidlet. Kap żagħżugħ, ideat ġodda, ideat ta’ żagħżugħ imma fl-istess ħin ta’ bniedem matur li jaf x’irid u fejn irid iwassal lill-pajjiż.

M’għandix dubju li f’dawn is-sitt xhur komplejna navżaw u m’xgħandix dubju li se nkomplu navvanzaw. L-istrateġija hi waħda li naraw li dan il-pajjiz jitmexxa b’mod korrett u ġust biex in-nies igawdu aktar. Determinati li l-flus li fl-aħħar 13-il sena marru fil-korruzzjoni, dawk il-flus imorru għall-qawwa ġdida tal-poplu Malti u Għawdxi.”

Ċertu gruppi kontroversjali saru aktar influwenti fil-PN?

Nistaqsuh li tinħass li minflok d-distakk minn elementi kontroversjali qed tinħass perċezzjoni li dawn saru aktar influwenti fl-istess partit. Charles Bonello jgħid li “m’għandix dik il-perċezzjoni. Il-bieb tal-Partit Nazzjonalista minn dejjem kien miftuħ għal kulħadd u min iridi jgħin jista’ jgħin. Ma naqbilx miegħek mal-estremiżmu u mhux estremiżmu għax dik hi narrattiva  li  jrid imexxi l-Partit Laburista għall-gwadann politiku tiegħu. Aħna miftuħin għal kulħadd. Aħna nisimgħu l-kulħadd u l-partit għandu l-istrateġija tiegħu u jimxi magħha – l-istrateġija li l-amministrazzjoni tiddeċiedi li timplimenta”.

Imma realment temmen li mhux affettwati mill-kunflitt fil-Golf Għarbi?

Insemmulu kif ftit tal-jiem ilu, Alex Borg smajnieh jgħid u nikkwota ‘kważi kważi bdew jghidu li hawn krizi go pajjizna minħabba l-gwerra ta’ bħalissa. Għidli int Malta pajjiż newtrali x’għandha x’taqsam.”.  Realment, inti temmen li Malta mhix affettwata bil-kunflitt fil-Golf Għarbi? Affettwata id-dinja kollha.

Charles Bonello iwieġeb li “inti qrajt u napprezza li qrajt testwalment. Alex Borg irrefera għall-kriżi fil-pajjiż mhux għall-effett tal-gwerra.  Jiġifieri bejn kriżi u effett hemm differenza kbira. Fid-dinja kollox jaffettwa lil kulħadd u lil kollox. Altru jkollu effett u altru jkollok kriżi. Jekk m’aħniex kapaċi nagħmlu distinzjoni bejn effett ta’ kriżi u effett ta’ effett allura hemm problema ta’ ­argument. Napprezza li qrajt x’qal Alex Borg, li rrefera għall-kriżi fil-pajjiż.

Nirrikonferma dak li qal Alex borg.  Li m’hawnx kriżi fil-pajjiż. Hawn effett ta’ gwerra? Mhux bilfors. Anki jekk ikun ir-riħ il-pajjiż ikollu effett, aħseb u ara gwerra. Effett dejjem, kriżi mhux dejjem. Dan li ried jgħid Alex Borg. Sa llum bil-gwerra f’parti mid-dinja li mhix daqshekk viċin tagħna, m’hawnx kriżi fi-pajjiż. Min jipprova jdawwar li bil-gwerra m‘hawnx effett fil-pajjiż ma jkunx korrett u ma jkunx qed jgħid il-verità, għax Alex Borg innega li hawn kriżi fil-pajjiż u mhux li l-pajjiż ma jħossx l-effett tal-gwerra.”

Fejn huma l-pjan u l-viżjoni tal-PN?… “inwieġbek kif kien iwieġeb Joseph  Muscat”

Staqsejnieh fuq il-fatt li issa li għaddew aktar minn tminn xhur mindu Alex Borg laħaq kap, f’moħħ ħafna nies baqgħet il-perċezzjoni li l-Oppozizzjoni baqgħet negattiva. Tilmenta. iffukata fuq slogans u attakki vojta milli fuq viżjoni ċara għall-pajjiż. Ma taħsibx li biex Oppozizzjoni titqies bħala alternativa għal gvern mill-poplu hemm bżonn ħafna aktar minn hemm. Qegħdin jistennew pjan, viżjoni.  Dawn fejn huma?

Charles Bonello iwieġeb li “infakkrek f’dak li għamel Joseph Muscat qabel l-2013. Meta kienu jsaqsuh qabel 2013 imma inti bħala gvern ġdid x’se tagħmel. Kien jgħid ngħidilkom fil-mument opportun. 

U jien intik l-istess risposta. Ngħidu lill-pajjiż fil-mument opportun,  meta jasal il-mument, meta inkunu wasalna fil-kampanja elettorali biex inmorru għall-elezzoni. Hemmhekk ikun il-punt li l-PN joħroġ il-proposti tiegħu. Ħriġna diġa proposti. Tkellimna fuq  trasport tal-massa. 

Fid-diskors tal-budget waħdu, il-kap elenka aktar minn 50 proposta. Liema partit joħorġ bil-proposti kollha tiegħu, xahar, xahrejn, sitt xhur jew sena, qabel l-elezzjoni. Inkluż il-Partit Laburista stess li llum qed jgħidilna li m’għandniex proposti u viżjoni. Kollox joħroġ fil-mument opportun. Nassigura li l-PN se joħroġ bi proposti tajbin ħafna, bi prodotti li l-Maltin u l-għawdin se jħossuhom komdi bihom u jinidirizzaw l-problemi ta’ kulħadd u int u kulħadd kun jista’ jgħix aħjar.”

Sandra Gauci tal-ADPD se tingħaqad mal-PN?… qatt ma kienet parti             mid-diskussjonijiet tagħna

Staqsejnieh dwar il-fatt li ftit jiem ilu issemma suġġeriment biex il-Kap tal-ADPD, Sandra Gauci,  tingħaqad fuq il-lista tal-kandidati tal-Partit Nazzjonalista u dwar jekk hux qegħdin jikkunsidraw xi ħagą bħal din.

Charles Bonello jgħidilna li “ħa ngħidlek kandidatura, għamiltha ċara li jien mhux se ngħid fuq Sandra Gauci jew fuq dak u fuq l-ieħor. L-eżerċizzju għadu miftuħ. Jibqa’ miftuħ sal-mument li aħna nmorru biex jingħalqu n-nominazzjonijiet għal kandidati, il-proċess jibqa’ miftuħ. Fuq Sandra Gauci per se, peress li tmexxi partit partikolari le qatt ma kienet fuq il-karti tad-diskussjonijiet tagħna, għax hi impenjata ġo partit ieħor u allura qatt ma kien hemm konsiderezzoni għax hi partit minn partit ieħor. L-ebda partit ma jiffoka fuq kandidati ta’ partit ieħor.”

Telqu mill-PN u ma marrux lura… nittama li jkun hemm kandidati li jaqsmu l-bridge u jiġu magħna

Meta mistoqsi dwar kandidati li telqu mill-PN u ma reġgħux lura, Charles Bonello jgħidilna li “inħares lejn il-fatt li għandna 2 deputati li oriġinarjament kienu parti mill-Partit Laburista. Kienu fil-kunsilli lokali. Ikkontestaw l-elezzjoni ġenerali, żgur wieħed minnhom mal-Partit Laburista”.

“Illum dawn huma deputati tal-Partit Nazzjonalista. Għandna ukoll kandidati li kienu jimmilitaw fil-Partit Laburista u kkandidaw ruħom mal-PN. Dawn huma l-fatti. Jien nitkellem fuq fatti mhux x’jista’ jiġri. Minn 35 membru tal-PN, tnejn minnhom ġejjin mill-kamp Laburista, qasmu l-bridge u ġew magħna. Hemm kandidatI li qasmu l-bridge u ġew magħna.  Nispera li jkun hemm l-opportunità li fil-ġimgħat li ġejjin se jaqsmu l-bridge u jingħaqdu b’xi forma jew oħra mal-PN.”

Temmen li l-PN jista’ jiġbed lejh lil dawk indeċiżi li jivvutaw

Mistoqsi dwar jekk jemminx li l-PN jista’ verament jikkonvinċi lil dawk indeċiżi, Charles Bonello qalilna li “nemmen li l-poplu qed jisma’ u kif għedt tajjeb inti hemm numru li ma jridux jafu bil-Partit Laburista u irrassenjaw ruħhom li ma jivvutawx. 

Dawn imma ma ddeċidewx li jagħmlu l-pass li jmiss li jersqu lejn il-Partit Nazzjonalista. 

Nirrispetta dak. Se nkomplu naħdmu biex lil dawn nikkonvinċuhom biex il-pajjiz ikollu l-gvern li jixraqlu.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport