Sunday, April 26, 2026

“L-Abort diġà qed isir f’pajjiżna”- Fr Joseph Curmi, Arċipriet tal-Bażilika ta’ San Ġorġ f’Għawdex

Aqra wkoll

“L-Abort diġà qed isir f’pajjiżna…” hekk stqarr Fr Joseph Curmi, Arċipriet tal-Bażilika ta’ San Ġorġ f’Għawdex waqt l-omelija li għamel fil-velja biex jitfakkar il-Martirju ta’ San Ġorġ.

Quddiem numru kbir ta’ persuni, fi Pjazza San Ġorġ Fr Curmi fisser li minkejja li suppost l-abort f’pajjiżna hu illegali hawn professuri li qegħdin jiġu fi kliniċi privati u jagħmlu l-abort. “Anki f’Għawdex, l-għada li jkun ġie tabib partikolari fi klinika privata, b’mod misterjuż, propju l-għada jidħlu numru ta’ tfajliet l-Isptar b’miscarriage”.

“Ma nistgħux norqdu quddiem ġenerazzjoni rikattata u mhedda, ġenerazzjoni li ma tistax tiftaħ ħalqha għax għalqulha ħalqha b’xi pjaċir jew xogħol li forsi lanqas kellha jedd għalih. Ma nistgħux nibqgħu reqdin meta x-Short Stay tal-isptar tagħna mifqugħ b’żgħażagħ u adulti li flok għajnuna u ħin bellajnielhom il-ħaxixa u għalaqna għajnejna għad-droga tiġri ma’ saqajna.”

Fl-omelija tiegħu, l-Arċipriet stqarr li: “l-parroċċa ta’ San Ġorġ qiegħda f’post u f’sitwazzjoni li ħafna jħarsu lejha. U dan qed ngħidu biex nuri x’responsabbiltà għandna aħna l-Ġorġjani li nkunu mudell fit-tajjeb. San Ġorġ ma beżax jeħodha b’qawwa kontra l-imperatur u dan mhux b’vendetta jew mibegħda iżda bi mħabba għax xtaq li anki l-imperatur jikkonverti u jiskopri l-Vanġelu. U biex jiddefendi s-sewwa, San Ġorġ tilef rasu, litteralment qatgħulu rasu.”

Hu wissa lill-parruċċani li jekk aħna ma nisimgħux u ma nitkellmux ma’ Kristu u ma’ San Ġorġ inkunu qisna dik il-persuna li allaħares xi ħadd imissilha r-ritratt t’ommha, iżda mbagħad qatt ma tmur iżżurha. Hekk inkunu aħna meta tkun l-istatwa jew it-titlu biss li jagħmilna Ġorġjani. 

“Ma nistgħux nibqgħu nittamaw li l-affarijiet sekondarji bħal festi, tradizzjoni u kultura waħedhom se jiġbdu lin-nies għall-fidi. Stennejna biżżejjed u dan ma ġarax. Quddiem dan kollu rridu nistaqsu xi jrid San Ġorġ u mhux tant xi rridu aħna. U jekk hemm bżonn, irridu nkunu lesti nneħħu xi ftit minn dak li jogħġob lilna biex nagħmlu dak li hu neċessarju. Issa din hi l-10 sena tiegħi magħkom u ftit esperjenza għandi,” kompla  fl-omelija tiegħu.

Hu saħaq: “il-parroċċa tagħna, jiġifieri aħna flimkien, f’dawn l-aħħar għaxar snin, qtajna affarijiet li jogħġbuna biex nagħmlu affarijiet diffiċli. U dan mhux għall-prosit, imma għas-sewwa. Iva niftakar sew, meta tmien snin ilu neħħejna propju din il-velja biex insemmgħu leħinna kontra l-abort. Iva, ma kienx faċli meta bħala komunità ċappasna mas-saqaf tal-Bażilika tant sabiħa tagħna statement qawwi b’Lassana Cisse biex ngħidu li din il-komunità qatt ma trid ikollha x’taqsam mar-razziżmu. 

“Iva tħabatna biex dawk li ħadd ma jidfinhom isirilhom funeral f’komunità. U llum nistgħu ngħidu li din ir-realtà kerha f’Għawdex sparixxiet. Imma mhux dan li jagħmilna Ġorġjani? Mhux ngħid dan b’nostalġija, għax in-nostalġija qatt mhi strateġija. Qed ngħid dan għaliex nemmen li s-soċjetà għandha bżonn il-Vanġelu. Mhux biex ikollna iktar nies fil-Knisja, imma biex naraw iktar nies f’posthom u kuntenti. Dan hu l-futur li għalih irridu naħdmu,” temm jgħid Fr Joseph.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport