Bħala Segretarju Parlamentari għas-sajd, dejjem emmint li l-edukazzjoni dwar l-ikel għandha tibda kmieni. Meta nitkellmu dwar il-futur tas-settur tas-sajd, ma nistgħux nillimitaw ruħna għall-ġestjoni tar-riżorsi jew għall-appoġġ lis-sajjieda tagħna biss. Irridu wkoll nrawmu ġenerazzjoni li tifhem il-valur tal-prodotti tal-baħar, kemm għas-saħħa personali kif ukoll għall-ekonomija u l-kultura tagħna. Minn hawn twieled il-proġett pilota ‘Fish Fridays’ fl-iskejjel tal-Primarja.
Dan il-pilota qed jitwettaq f’erba’ skejjel tal-Primarja, u għandu l-għan li jittestja l-mudell operattiv f’ambjent skolastiku reali. Għalija, dan mhux biss test loġistiku; huwa investiment fit-tfal tagħna u fl-għarfien tagħhom dwar dieta bilanċjata u sostenibbli.
Dan il-proġett huwa wieħed innovattiv imma ibbażat fuq ħtieġa li għandna għall-gharfien tal-ikel li nieklu u fuq kollox ta’ dak li pajjiżna kapaċi jipproduċi. Bħala persuna li studjajt ħajti kollha il-ħut u l-benefiċċji li dieta ibbażata fuq il-ħut iġġib magħha, ħassejt li jekk lil uliedna inrawmuhom kif kienu missirijietna li jieklu lokali u bnin, ikun qed jirbaħ kulħadd.
Il-proġett se jkun qed iseħħ bħala proġett pilota f’erba’ skejjel li ġew magħżula wara żjarat fuq il-post sabiex ikun żgurat li kull sit ikun ippreparat biex jilqa’ l-studenti li se jipparteċipaw, il-ħtiġijiet ta’ saħħa u sigurtà u l-ħtiġijiet nutrittivi.
Irridu inserrħu moħħ il-ġenituri li dan il-proġett mhux mandatorju. Min jew ma jħobbx il-ħut jew saħansitra isorfi minn xi allerġiji, mhux se jkun obbligat li jieklu. Apparti minn hekk, sar pjan dettaljat ta’ kif dan il-proġett se jkun qed jaħdem, liema pjan iżomm quddiem għajnejh is-sigurtà tat-tfal.
Il-mudell li fuqu l-proġett pilota tfassal, hu ibbażat fuq edukazzjoni u esperjenza. Il-ġurnata ta’ Fish Fridays se tkun strutturata f’erba’ partijiet. Parti important minn dan il-proġett huwa it-tgħalim fuq il-ħut u fuq il-valur nutrittiv tiegħu. L-edukazzjoni u l-għarfien huma ċ-ċavetta għall-mobilita soċjali. Dak li titgħallem ma joħodulek ħadd.
Wara din is-sessjoni ta’ tagħlim li għaliha jattendi kulħadd, l-istudenti li jkunu jridu, jingħataw porzjon ta’ ħut ippreparat skont l-ispeċifikazzjonijiet li ġew miftiehma. Dan mhux biss joffri esperjenza ta’ togħma, iżda juri wkoll li l-ħut jista’ jkun parti normali u pjaċevoli mid-dieta tat-tfal tagħna.
Bħala ġenitur nifhem li xi ħaġa differenti bħal din se toħloq ċertu ħsibijiet u forsi anki inkwiet. Xejn minn dan. Nemmen li ħafna minn dawk xettiċi li dan il-proġett mhux se jirnexxi se jbiddlu fehemhom wara li jaraw il-benefiċċji li l-prodott tal-baħar tagħna jista’ joffri.
Mhux faċli fid-dinja tal-lum fejn, minħabba l-impenji kollha li għandna, imdorrijin insibu kollox lest f’pakkett jew kaxxa tal-kartun fil-freezer, li nieqfu u nbiddlu d-drawwiet tagħna u nitbiddlu. Però nemmen li, biex nibqgħu fit-tema u kif jgħidu it-taljani, l’appetito vien mangiando, malli tiekol il-ħut tagħna darba, terġa tagħmilha.
Il-mira hi li dan il-programm jikber li jilħaq l-iskejjel kollha u forsi jidħol ukoll ġod-djar fejn mhux normali li jittiekel il-ħut lokali, u li forsi mhux daqstant popolari, sabiex aktar familji jiskopru x’kapaċi joffri pajjiżna.
Nemmen li l-edukazzjoni dwar l-ikel għandha tkun esperjenza li tgħaqqad it-tagħlim mal-prattika. Dan il-proġett pilota jagħmel proprju dan: jgħaqqad l-għarfien mal-benna tat-togħma. Persważa u determinata li dan il-proġett pilota se jkun suċċess u jikber sakemm il-Fish Fridays isir programm nazzjonali li jsaħħaħ il-ġenerazzjonijiet li ġejjin.


