Hekk kif resqin lejn tmiem il-kampanja elettorali u allura lejn jum il-votazzjoni fit-30 ta’ Mejju li ġej, ikun tajjeb li nanalizzaw ftit dak li ħareġ mid-diskorsi li saru mill-mexxejja politiċi, anke waqt it-tliet dibattiti li saru matul din il-ġimgħa.
Minn dak li smajna minn fomm iż-żewġ mexxejja stess, stajna nikkonkludu li hemm baħar jaqsam bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista. Fuq naħa, rajna lill-PL u lill-Prim Ministru Robert Abela ffokati fuq fejn iridu jmorru u jieħdu
lil dan il-pajjiż, bi proposti li huma konkreti, costed u fattibbli.
Fuq in-naħa l-oħra tal-munita, rajna l-Partit Nazzjonalista u l-Kap tal-Oppożizzjoni
Alex Borg iressqu proposti li ħafna drabi jħallu aktar mistoqsijiet milli tweġibiet.
Waqt id-dibattiti li saru, il-Prim Ministru wera wkoll kemm huwa konsistenti iżda fuq kollox konvinċenti fl-argumenti li ressaq.
Anke dwar il-proposti, huwa ta spjega dettaljata tal-effett li dawn se jħallu u anke li se jwasslu għat-titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. Dan filwaqt li espona ċertu żbalji li saru mill-proposti mressqa mill-Partit Nazzjonalista.
U quddiem dan kollu nemmnu li l-poplu, millkwiet ta’ daru, qiegħed jifli sew dak li qiegħed jiġi ppreżentat lilu u jixtarru sew. Il-poplu qiegħed jiżen sewwa dwar x’futur irid għalih u għallġenerazzjonijiet li ġejjin. F’dawn l-aħħar jiem li fadal qabel jum il-votazzjoni, huwa importanti li nneħħu l-partiġġjaniżmu li jifridna u nfittxu dak kollu li jgħaqqadna.
U f’dan ir-rigward ninnutaw ukoll li f’din il-kampanja ma kienx hemm attakki żejda
jew personali. Għalhekk it-30 ta’ Mejju se jkun jum kruċjali għal pajjiżna. Jum li fih il-poplu jrid jagħżel xi triq se jkun qiegħed jieħu l-pajjiż fil-leġiżlatura li jmiss.
Għażla li se tkun imsejsa wkoll fuq min hu kredibbli li jwettaq dak li jwiegħed, fuq min hu kompetenti għax jaf kif se jwettaq dak li qed jipproponi, u b’responsabbiltà li ma jintilifx dak li nkiseb u jikseb aktar.

