Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta lesta l-ewwel fażi ta’ rinnovar tal-Mużew tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali fil-Furjana. Fl-2023, il-Mużew tal-Pulizija ġie rilokat fil-qalba tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Din kienet deċiżjoni intenzjonata sabiex ilwirt storiku tal-Korp ikun aktar aċċessibbli għall-uffiċjali, impjegati, delegazzjonijiet u membri tal-pubbliku li jżuru din il-binja
storika.
Permezz tal-ftehim ta’ kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta fl-2024, beda proċess ta’ rinnovar u interpretazzjoni professjonali tal-mużew, bil-għan li l-istorja tal-Korp tkun ippreżentata b’mod aktar ċar, strutturat u interattiv.
L-ewwel Fażi ta’ dan il-proġett, bit-tema “L-Istorja tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta”, issa tlestiet. Din tinkludi esebizzjoni ta’ tagħmir oriġinali, flimkien ma’ ritratt u dokumenti storiċi f’vetrini interpretattivi, li flimkien jirrakkontaw l-evoluzzjoni tal-pulizija f’Malta matul iż-żmien.
Dan il-proġett mhux biss isaħħaħ il-preservazzjoni tal-wirt storiku tal-Korp, iżda wkoll jirrikonoxxi l-kontribut tal-ġenerazzjonijiet li servew b’tant dedikazzjoni,
kuraġġ u impenn lejn il-pajjiż. Waqt żjara li għamel, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri faħħar din l-inizjattiva u rrimarka li xi kultant
ninsew minn fejn tlaqna biex napprezzaw aktar fejn wasalna u li dan il-mużew jiffoka fuq l-istorja anke fi żmien li l-Pulizija kienet parti mill-militar f’Malta.
Tenna li issa l-pubbliku jista’ jgawdi minn dan il-mużew u jitgħallem dwar din l-istorja li filwaqt li tfakkar l-evoluzzjoni tal-Korp talPulizija, nifhmu fejn sejrin.
Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li “din is-sena l-Korp tal-Pulizija Malti
jiċċelebra l-212-il sena mit-twaqqif tiegħu u għaldaqstant bħala wieħed mill-eqdem organizzazzjonijiet pulizjeski fl-Ewropa u fid-dinja, kien xieraq li matul dawn l-aħħar snin ħdimna biex iniedu mużew f’post ċentrali fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija”.
“Din hija l-ewwel fost ħames fażijiet li qed nippreparaw biex jitgawdew kemm
mill-membri tal-Korp imma anke mill-pubbliku inġenerali.” Ix-xogħol fuq dan il-proġett ser ikompli permezz ta’ fażijiet oħra li se jinkludu aktar materjal storiku, inizjattivi edukattivi u aktar tagħmir interattiv għall-pubbliku”.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li s-sehem tal-aġenzija fit-tħejjija ta’ dan il-mużew hija l-frott ta’ Memorandum of Understanding bejn l-aġenzija u l-Korp talPulizija li jipprovdi fost oħrajn biex il-Korp jibbenefika mill-esperjenza vasta tal-aġenzija fil-konservazzjoni kif ukoll fid-disinn, il-preżentazzjoni u l-operat tal-mużewijiet.

