Saturday, May 23, 2026

Korsijiet ta’ Animal First Aid fil-komunitajiet

Aqra wkoll

Is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali, flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, nedew espressjoni ta’ interess għall-Kunsilli Lokali sabiex isiru korsijiet għarresidenti ta’ Animal First Aid fil-binjiet tal-kunsilli lokali.

Din l-inizjattiva għandha l-għan li żżid l-għarfien u l-ħiliet bażiċi relatati mal-ewwel għajnuna għall-annimali, filwaqt li tippromwovi aktar il-ħarsien xieraq tal-annimali.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li din l-inizjattiva nibtet minn proposta dwar kif iċ-ċittadini jistgħu jingħataw taħriġ bażiku
fl-ewwel għajnuna għall-annimali.

Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali
Alicia Bugeja Said, qalet li dawn il-korsijiet huma pass ieħor biex tkompli tissaħħaħ il-kultura ta’ responsabbiltà u kura lejn l-annimali fil-komunitajiet.

Id-Direttur Ġenerali Emil Vassallo qal li l-Kunsilli Lokali se jipprovdu riżorsi bħall-binjiet tal-kunsilli lokali fejn se jsiru l-korsijiet, kif ukoll jagħtu appoġġ
fil-promozzjoni tagħhom sabiex jattiraw aktar parteċipanti.

Id-Direttur Ġenerali tal-Animal Welfare Dennis Sciberras spjega kif il-korsijiet se jipprovdu taħriġ prattiku dwar kif wieħed għandu jirreaġixxi f’emerġenzi li
jinvolvu annimali, fosthom f’każijiet ta’ choking, CPR għall-annimali, kura tal-feriti u avvelenament, sabiex tingħata kura immedjata u sigura sakemm tasal l-assistenza veterinarja.

L-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni tal-inizjattiva se titmexxa mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, filwaqt li t-taħriġ se jingħata minn edukaturi kwalifikati u magħżula mid-Direttorat tal-Animal Welfare.

Dawn il-korsijiet għandhom jibdew minn Ottubru li ġej.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport