Lil Dr. Sant nistaqsieh jekk jarax li l-aspett internazzjonali u dak li qiegħed iseħħ fil-Golf Għarbi u anke tensjonijiet oħra, li jistgħu faċilment jaffettwawna, qegħdin jingħataw l-ġenb f’din il-kampanja elettorali.
Għal din id-domanda, Dr. Sant jgħidilna li “t-tendenza hi ċara fil-mod kif isiru l-kampanji politiċi biex dak li jista’ jdejjaq jew jinkwieta, jingħata l-ġenb. It-tensjonijiet li nqalgħu fl-aħħar snin fix-xena internazzjonali, bl-inċertezzi u l-gwerer, żgur se jkunu sfida qawwija għall-gvern Malti fis-snin li ġejjin”.
“M’hemmx interess li dan jiġi diskuss, forsi għar-raġuni li jista’ jwassal biex tqum diskussjoni serja dwar il-gwaj u l-kriżijiet li jistgħu jirriżultaw. Jidher li għal raġunijiet differenti, ż-żewġ partiti ma jixtiequx jieħdu din it-triq. Qed ikun hemm parteċipazzjoni taż-żgħażagħ ferm aktar qawwija mis-soltu fil-kandidatura politika”.
Fatt li deher fil-bidu ta’ din il-kampanja kienet in-nuqqas ta’ parteċipazzjonit taż-żgħażagħ. Nistaqsuh jekk jarax li din hi ferm inqas minn kampanji elettorali oħrajn.
L-eks Mexxej Laburista jgħidilna li “fl-ewwel fażijiet ta’ kwalunkwe kampanja l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ ma tkunx qawwija. Imbagħad minn ġimgħa għal ġimgħa taraha tielgħa sakemm fl-aħħar jiem tkun mimlija fervur. Ma naħsibx li se jiġri mod ieħor din id-darba għalkemm hemm fattur li fl-imgħoddi kien anqas qawwi”.
“Il-mezzi soċjali saru jieħdu dejjem aktar mill-ħin taż-żgħażagħ u bla dubju qed ikunu element importanti fil-mobilizzazzjoni politika tagħhom illum. Kollox ma’ kollox, naħseb li qed ikun hemm parteċipazzjoni taż-żgħażagħ ferm aktar qawwija mis-soltu fil-kandidatura politika, speċjalment tal-Partit Laburista, ħaġa li hi inkuraġġanti.”

