Friday, November 22, 2024

MUDELL EKONOMIKU

Aqra wkoll

Isir ħafna diskors dwar il-mudell ekonomiku Malti u l-ħtieġa li jinbidel. Biss, jidhirli li ftit jingħata ħsieb għal xinhu jinftiehem eżatt li hu dal-mudell. Uħud donnhom iqisu li meta jsemmuh qed jirreferu għal kif żviluppat l-ekonomija mill-2013 lil hawn.

Dil-ħaġa ma treġix. Minn dik is-sena ’l quddiem, l-ekonomija tmexxiet skont mudell li diġà kien jeżisti u segwit fis-snin ta’ qabel. Sempliċement tħaddem fuq livelli ta’ fiduċja akbar, b’illaxkar ta’ ċerti kundizzjonijiet f’sitwazzjoni fejn it-tkabbir ekonomiku rranka. Uħud mill-iżviluppi kienu inerenti fil-loġika tal-mudell biex l-ekonomija tibqa’ internazzjonalment kompetittiva.

Il-fatturi ewlenin tal-mudell kienu u għadhom: sħubija fl-Unjoni Ewropea bħala pedament; u s-setturi tas-servizzi bħala l-kolonni tal-ekonomija (turiżmu; servizzi finanzjarji u marittimi; l-internet gaming); bil-kostruzzjoni u l-kummerċ tal-artijiet bħala s-sink li minnu jgħaddu ħafna mill-fondi likwidi ġenerati mit-tkabbir ekonomiku.

Biex tkun tfisser xi ħaġa, bidla tal-mudell ekonomiku trid tiffoka fuq dawn l-aspetti.

SENTIMENT PUBBLIKU

X’jidderieġi s-sentiment pubbliku? L-istqarrijiet li jagħmlu l-mexxejja politiċi jew tal-Knisja? L-editorjali u l-aħbarijiet tal-ġurnali u tat-TV? Il-battibekki fil-medja soċjali?

Żgur li dawn kollha jinfluwenzaw kif in-nies tispiċċa taħseb u tqis. Imma jista’ jkun li l-aqwa fattur hu l-esperjenza personali: xi tkun għaddejt minnu fil-post tax-xogħol, fit-toroq, f’darek; kif ukoll dak li tisma’ minn persuni qribek jew x’tarahom jgħaddu minnu.

Fl-aħħar is-sentiment pubbliku jinġema’ minn kurrenti ta’ din l-esperjenza, magħquda ma’ kif il-messaġġi istituzzjonalizzati jew ġejja mill-medja kollha jolqtu lill-individwu. Inutli tippriedka ħaġa, meta mill-esperjenza personali tagħhom in-nies qed jaqblu mal-messaġġi kontra li jaslulhom minn medja varji.

SIĠAR

L-għan li f’pajjiżna nseddqu l-ispazji ħodor hu wieħed li għandu jingħata l-aqwa priorità. Kif niftakar jien, l-ewwel sforzi f’din il-linja kienu ttieħdu mill-gvern Laburista tas-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor li kien nieda ħidma ta’ afforestazzjoni.

Inġabu eluf ta’ siġar mil-Libja u l-Italja li tħawlu fejn setgħu joħolqu boskijiet żgħar. Ħafna minnhom ma marrux tajjeb għax dak iż-żmien, il-kura ta’ postijiet imtellgħa b’dal-mod kienet għadha primittiva. Imma kien bidu.

Illum, minkejja li hemm inizjattivi tal-aqwa siwi għaddejja, nisimgħu ta’ spiss wisq dwar kif siġar li diġà ilhom snin li ħadu sew, qed jitneħħew. Ħafna drabi r-raġunijiet li jingħataw jinstemgħu serji u aċċettabbli. Xorta bit-tneħħija tagħhom, l-ambjent ikun qala’ daqqa.

Jassigurawna allura li n-nuqqas tas-siġar imneħħija se jitpatta bit-tħawwil ta’ siġar ġodda. Forsi wasal iż-żmien li tinżamm statistika ta’ kull tliet xhur li tgħidilna kemm f’dak il-perijodu, ikunu nqalgħu siġar u kemm tħawlu (fil-fatt, mhux bħala stqarrija ta’ kif se jiġri hekk).

Sport