Żewġt irġiel u mara, ilkoll mill-Venezwela tressqu l-Qorti fejn ammettew għall-akkużi li ħebbew għal żewġ uffiċjali tal-Pulizija u kkaġunawlhom feriti ħfief.
Il-każ seħħ kmieni dalgħodu, għall-ħabta tal-4.00 a.m, wara li l-Pulizija rċeviet diversi rapporti dwar mużika li kienet qed tindaqq b’volum għoli ħafna fl-inħawi tax-Xatt ta’ Spinola, f’San Ġiljan.
L-imputati huma Keiven Johan Goncalvez Andrade ta’ 31 sena residenti Tas-Sliema, Omar Eduardo Nunez Andrade ta’ 24 sena residenti s-Swieqi u Jaimaru Vanessa Blanca Guerrero ta’ 36 sena mis-Swieqi.
Il-prosekuzzjoni spjegat kif żewġ uffiċjali tal-Pulizija kienu marru fuq il-post fejn hemm sabu lill-imputati bi speaker li kellu l-volum għoli. Fil-Qorti ntqal li l-ispeaker kien ikkonfiskat mill-Pulizija iżda qabel il-mara bdiet tirreżisti milli tagħtihulhom.
L-Ispettur Jonathan Cassar żied jgħid li f’ħin minnhom wieħed mill-imputati allegatament imbutta lil Kuntistabbli tal-Pulizija bil-konsegwenza li spiċċa mal-art u mbagħad komplew jagħtuh bil-ponn u bis-sieq.
Il-kuntistabbli kellu n-nuċċali mkisser u sofra wkoll ħsara fuq l-uniformi.
Intqal ukoll li wieħed mill-imputati wkoll beda jirreżisti lil pulizija ieħor li mar biex jarrestah u kkaġunalu feriti ħfief.
Fil-Qorti, huma ammettew l-akkużi miġjuba kontra tagħhom u skużaw ruħhom ta’ dak li kienu għamlu.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea sabithom ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.
Jaimaru Vanessa Blanca Guerrero u Keiven Johan Goncalvez Andrade kienu kkundannati kull wieħed ħlas ta’ multa ta’ €7,000 u piena ta’ 12-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin.
Omar Eduardo Nunez Andrade kien ikkundannat multa ta’ €12,000 u 16-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin.
Huma ġew obbligati wkoll biex bejniethom iħallsu lill-Kuntistabbli s-somma ta’ €350 u lill-Kummissarju tal-Pulizija s-somma ta’ €100.
L-Avukat Mark Mifsud Cutajar deher għall-imputati.
Aktar qabel: Iweġġgħu uffiċjali tal-Pulizija wara rapport ta’ mużika b’volum għoli fit-3:30 a.m
Żewġ pulizija sofrew ġrieħi wara li allegatament ħebbew għalihom tliet persuni waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Il-każ seħħ kmieni dalgħodu, għall-ħabta tat-3:30 a.m, wara li l-Pulizija rċeviet diversi rapporti dwar mużika li kienet qed tindaqq b’volum għoli ħafna fl-inħawi tax-Xatt ta’ Spinola, f’San Ġiljan.
Żewg Pulizija tad-Distrett marru minnufih fil-post, fejn ġie nnutat grupp kbir ta’ persuni li kienu qegħdin idoqqu l-mużika f’post pubbliku. Immedjatament ittieħdu l-passi meħtieġa, fejn dawn intalbu jitfu l-apparat. Minħabba li naqsu milli jobdu l-ordnijiet, il-pulizija kellhom jgħaddu sabiex jikkonfiskaw l-imsemmi appart u kien f’dan il-mument li l-pulizija sfaw attakkati.
Wara li ntalbet l-assistenza, fuq il-post waslu aktar pulizija kemm tad-Distrett kif ukoll tal-Rapid Intervention Unit u arrestaw lil dawn il-persuni, żewġt irġiel ta’ 31 sena u 24 sena residenti s-Swieqi u mara ta’ 36 sena residenti wkoll is-Swieqi, kollha mill-Veneżwela.
Minbarra li saret ħsara fl-uniformijiet tagħhom, iż-żewġ pulizija sofrew xi ġrieħi fejn wara li ngħataw l-għajnuna medika f’ċentru tas-saħħa, huma ġew iċċertifikati li weġġgħu ħafif.
It-tliet persuni mistennija jitressqu l-Qorti illum, għall-ħabta tal-10:00 a.m quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Charmaine Galea.