Saturday, May 4, 2024

Multa ta’ €6,000 u sentenza sospiża għal Rumen li ħażżeż fuq Bieb il-Bombi

Aqra wkoll

Raġel ta’ 42 sena mir-Rumanija residenti l-Imsida ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u ġie mmultat €6,000, wara li tressaq il-Qorti fejn kien akkużat li ħażżeż graffiti fuq Bieb il-Bombi.

Fil-Qorti, l-akkużat li kien qed jingħata għajnuna mit-traduttriċi wieġeb li huwa ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih. Huwa kkonferma l-ammissjoni tiegħu meta ġie mitlub mill-Qorti. 

Id-Difiża qalet li tkellmet mal-Prosekuzzjoni u li bi qbil bejniethom, insistew li tingħata sentenza sospiża. Min-naħa tiegħu, l-avukat tal-akkużat sostna fil-Qorti sabiex il-multa tkun waħda minima.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-multa tvarja bejn €2,000 u €250,000, fid-dawl li Bieb il-Bombi hija parti mill-wirt kulturali ta’ Malta. Hi semmiet kif il-ħsara tista’ titranġa imma l-monument ikun inbidel għal dejjem minħabba l-intervent li jkun sarlu.

Hi saħqet li s-sentenza tal-Qorti għandha twassal messaġġ li jservi ta’ deterrent għal min qed jikkunsidra atti simili. Għaldaqstant, hi pproponiet multa ta’ €12,000 għall-akkużat, bid-Difiża toġġezzjona għar-raġuni, li l-akkużat għandu kondotta nadifa. Id-Difiża qalet  li l-multa ma għandiex tingħata biex dak li jkun jitgħakkes iktar.

Fil-Qorti, id-Difiża żiedet tgħid li multa ta’ €12,000 hija eċċessiva u li l-akkużat ma kellu l-ebda intenzjoni li jagħmel att ta’ vandaliżmu u li dak li għamel, għamlu biex juri l-imħabba li għandu lejn il-maħbub tiegħu Dali. 

Il-Qorti pproseduta mill-Maġistrat Lara Lanfranco kkundannat lir-raġel sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u mmultatu €6,000. Il-Qorti ordnatlu sabiex iħallas l-ispejjeż marbuta mar-restawr.

Christine Delia u Daryl Borg mexxew il-Prosekuzzjoni bl-assistenza tal-avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Godwin Cini. Kurt Farrugia rrappreżenta lis-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali.

L-avukat Roberto Spiteri rrappreżenta lill-akkużat.

Aktar kmieni dalgħodu: Persuna se titressaq il-Qorti b’rabta mal-att vandalu ma’ Bieb il-Bombi

Il-Persuna li wettqet l-allegat vandaliżmu ma’ Bieb il-Bombi fil-Furjana l-ġimgħa li għaddiet,  illum għall-ħabta tal-12:15 p.m se titressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Lara Lanfranco

Il-Każ seħħ fis-17 ta’ Ottubru, meta  għall-ħabta tas-7:00 a.m il-Pulizija irċeviet informazzjoni li kien hemm att vandalu ma’ Bieb il-Bombi. Dan ġie ikkonfermah kelliem għall-Pulizija ma’ dan is-sit. 

Huwa qal li l-att vandalu ma’ Bieb il-Bombi kienu jinkludu l-kliem “ I love you Dali” flimkien ma’ żewġt iqlub u li fuq il-post marru l-pulizija tal-forensika, kif ukoll uffiċjali is-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali. 

Sport