Friday, May 15, 2026

Il-qassis għandu jkun ċelibat u ma jiżżewwiġx?

Aqra wkoll

Nazzarda ngħid li qatt daqs illum il-Knisja Kattolika ma kienet imnikkta, imħawwda u tal-għajb minħabba d-dnubiet kontra s-sesswalità. U din is-sitwazzjoni ġabet fuqha il-knisja hija stess; mhix dovuta għal xi attakki maħduma minn persuni ’l barra mill-Knisja. Kienu n-nies tagħha, qassisin u wkoll monsinjuri u f’xi każi kardinali li abbużaw minn sess jew ma ħadux passi biex iwaqqfu dawn l-abbużi.

Din is-sitwazzjoni kerha ma nħolqotx f’ċertu lokalità waħda iżda tferrxet fl-Irlanda, fl-Istati Uniti tal-Amerika’ fiċ-Ċilì, fl-Awstralja u saħansitra fil-Vatikan. Imma kif din il-weġgħa kbira tħalliet tfawwar bħal ħaxixa ħażina u tikber ma’ kull parti tad-dinja. X’kienet r-raġuni ta’ dan kollu; tgħid il-Knisja taħti għal din is-sitwazzjoni ta’ mistħija?

Tliet wegħdiet

Kull qassis qabel ma jiġi kardinat mill-Isqof tiegħu – jiġifieri ordnat qassis – irrid jaċċetta ujiddikjara li jieħu tlett wegħdiet solenni; il-faqar, l-ubbidjenza u l-vot tal-kastità. Dawn il-wegħdiet ilhom jgħoddu matul is-snin u għadhom fis-seħħ fi żminijietna. Il-wegħda tal-faqar hija waħda relattiva jiġifieri skont il-livell tal-għajxien fil-pajjiż fil-waqt l-att tal-ubbidjenza tfisser li l- qassis irid jobdi lil isqof tiegħu (min ordnah) matul il-ħajja saċerdotali tiegħu.

Il-vot tal-kastità tfisser li l-qassis irid iżomm ruħu ’l bogħod minn sess jiġifieri ma jipprattikax is-sess la miegħu nnifsu la ma’ sħabu u lanqas ma’ nisa. U għal dan l-għan l-imsejken qassis qatt ma jista’ jagħti żvog għal ġibda ta’ sess u fuq kollox jibqa’ għażeb mingħajr ċans li jiżżewweġ. Din iċ-ċaħda minn sess hija kbira ħafna għax tmur kontra n-natura tal-bniedem jew annimal. Hija ħaġa naturali li raġel jinġibed lejn mara kif din wkoll tinġibed lejn raġel. Wara kollox mhux Alla ħoloq lil Eva biex Adam ikollu s-serħan ta’ sess!

Iż-żwieġ u l-qassis

It-tradizzjoni tal-knisja tixhed li l-qassisin tagħhom ma kinux mċaħħda miż-żwieġ; l-istess Appostli l-biċċa kbira minnhom, ibda minn Pietru, kienu miżżewġin u l-prattika kompliet sas-Seklu Ħdax meta l-Knisja daħlet il-kuncett li l-qassis għandu jkun ċelibat u ma jiżżewwiġx. Dan wassal għal firda kbira fis-Seklu Sittax ma’ dawk – il-Luterani, il-Kalvanisti u l-protestanti l-oħra – li riedu jirriformaw il-Knisja Kattolika Rumana għal diverisi suġġetti. Ir-riformisti sostnew li l-qassis għandu jkun liberu li jiżżewweġ kif huwa mplikat fil-Vanġelu.

Il-Knisja Kattolika Rumana ċaħdet għal kolllox li l-qassis jiżżewweġ; dan wassal li Knisja Kattolika hija waħdanija fost il-knejjes Kristjani u Ortodossi li ma jippermettux żwieġ għal qassissin tagħhom. Kemm il-kongregazzjonijiet protestanti ta’ kull xorta, kemm l-evanġelisti u kemm l- knejjes Ortodossi jippermettu ż-żwieġ lill-qassissin tagħhom u b’hekk dawn ikunu liberi li jeżecitaw is-sess. Iżda l-qassis Kattoliku kif jista’ jeżerċita s-sess jekk mhux bil-moħbi u b’mod illeċitu jew kriminali.

Kriżi fi ħdan il-Vatikan

Il-Knisja tista’ titlob lil jew timponi fuq il-qassisin biex iżżomm ruħha kast iżda żgur ma tistax iżżommu li qatt ma jeżerċità s-sess. Is-sesswalità tal-bniedem hija kbira u ħaġa naturali; u l-qassis huwa bniedem ukoll u huwa suġġett għal din ir-rieda sesswali. Din iċ-ċaħda għal sess wasslet lill-Knisja Kattolika f’din is-sitwazzjoni daqs hekk imbarrazzanti fejn mhux biss inkixfu stejjer ta’ romanzi bil-moħbi bejn qassisin/isqfijiet u nisa iżda każijiet ta’ stupri bla kontroll fuq tfal innoċenti. Mhux biss Kardinali ġew mixlijin li ma ħadux passi kontra abbużi sesswali iżda l-Papa Franġisku nnifsu ġie mixli b’nuqqas ta’ kontroll u mitlub li jirriżenja.

Nemmen li l-Knisja Kattolika hija responsabbli għal din is-sitwazzjoni meta tiċħad iż-żwieġ għal qassi- sin tagħha. Għaliex il-knisja hija daqshekk stinata fuq din il-kwistjoni?

Wara kollox il- knisja hija stess għażlet din iċ-ċaħda ta’ żwieġ, mhux kwistjoni ta’ fidi iktar kwistjoni ta’ regolamenti u fl-istorja tal- knisja ħafna mir-regolamenti ġew riformati jewmħassra. Għaliex f’ħaqq is-sewwa u għal ġid tal-knisja innifisha ma tridx twettaq ir-riforma fiċ-ċelibat tal-qassisin?

Irrid nagħmilha ċara li jien mhux qed niskuża l-qassissin minn dawn l-atti kriminali, iżda nistenna li l-qrati ċivili jieħdu l-passi kollha kif titlob il-liġi.

Kien hemm ċans li issir riforma dwar din i-kwistjoni ta’ żwieġ mtul il-Konċilju Vatikan it-Tieni iżda kif dejjem jiġri l-forzi reazzjonarji fi ħdan il-Vatikan joħorġu rebbieħa.

U hi ħasra dawn il-forzi konservattivi għadhom qawwijin u ma naħsibx li l-Knisja Kattolika tagħmel riforma fil-futur qrib.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport